Lokali

“Jeħtieġ nibqgħu ninsistu għall-verità u l-ġustizzja” – Adrian Delia

“Spiċċajna ngħixu f’pajjiż fejn il-Gvern pratikament ħallas għall-assassinju ta’ ġurnalista, u fejn ħadem biex iżomm il-verità milli toħrġ u l-ġustizzja milli ssir”. Dan stqarru l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq Net FM fejn fakkar kif Gvern Laburista ħataf l-istituzzjonijiet u uża lill-awtoritajiet biex ikunu protetti l-kriminali.

Adrian Delia qal li f’pajjiżna teżisti rabja għall-Gvern li nħataf minn klikka ta’ kriminali kif smajna fil-Qorti din il-ġimgħa, biex għamlu mill-politiċi u mill-istutuzzjonijiet kompliċi tagħhom, u rrefera wkoll għar-riżenji tal-Kummissarju Lawrence Cutajar u tal-Avukat Ġenerali Peter Grech.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li pajjiżna għandu bżonn bidla radikali biex jinqata’ minn dak li ġabna fih il-Gvern Laburista.

Huwa qal li jrid jaħdem sabiex ir-rabja li nħolqot tinbidel fi tfittxija għall-verità u f’ħidma biex min żbalja jħallas għal għemilu sabiex fl-aħħar f’pajjiżna terġa ssaltan in-normalità u s-saltna tad-dritt.

Adrian Delia tkellem dwar il-mod kif ġiet trattata l-pandemija, fejn faħħar id-direzzjoni li tat is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, li bis-saħħa tagħha pajjiżna rnexxielu jrażżan sew l-ewwel mewġa, madankollu qal li huwa ċar li l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne u l-Prim Ministru Robert Abela ma kienux qed jaraw għajn b’għajn fiċ-ċirkostanzi tal-aħħar xhur.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li l-Prim Ministru donnu kien qed jgħix f’dinja għalih meta kien jgħid li rbaħna l-pandemija u li l-mewġ jinsab fil-baħar, u sejjaħ dan l-aġir bħala wieħed politikament immatur u li qiegħed f’riskju s-saħħa tal-poplu tagħna kif ukoll l-ekonomija ta’ pajjiżna.

Adrian Delia kkritika wkoll l-għażla tal-Prim Ministru li f’nofs it-tieni mewġa ta’ każi f’pajjiżna, telaq għal vaganza lil hinn minn Malta, biex igawdi s-sajf kif ken qal li se jagħmel.

Kritika wkoll il-mod kif il-Gvern qed jonqos milli jpoġġi liċ-ċittadin l-ewwel, hekk kif qiegħed dejjem jikber in-numru ta’ persuni li jinsabu f’riskju ta’ faqar, li issa laħaq it-82,000. Dan minkejja l-ftaħir li smajna għal xhur sħaħ dwar is-surplus ekonomiku.

Adrian Delia saħaq li se jibqa’ jagħmel ħiltu kollha biex il-Partit Nazzjonalista jerġa jkun Partit li jaqdi u jservi, u li jaħdem għall-ġid komuni.