“Ir-realtà traġika hija li politiċi kriminali ħatfu lill-Partit Laburista sabiex jimlew bwiethom, u ġabuna nistħu li nappartjenu għal dan il-pajjiż, iżda jien irrid nidħol fil-politika biex inservi u nindirizzaw din il-problema.”
Dan sostnih l-Avukat Bernard Grech f’intervista s-Sibt filgħodu fuq NET FM fejn saħaq li l-Partit Nazzjonalista jrid jaħdem sabiex nerġgħu nġibu isem rispettabbli li jixraq lil Malta tagħna. Huwa saħaq li din il-ġimgħa smajna xhieda xokkanti fil-Qorti, allegazzjonijiet li Grech saħaq jixtieq li mhux minnhom għal ġid tal-pajjiż. Għaldaqstant, huwa saħaq li għalhekk importanti li l-PN jissaħħaħ sabiex ikun il-vuċi li jirbaħ fuq il-problema tal-korruzzjoni.
Bernard Grech saħaq li rridu nitkellmu u nindirizzaw din il-problema, għaliex, “jekk ma nitkellmux dwarha nkunu qed naċċettawha u jekk naċċettawha żgur li ma nkunux nistgħu niġġildulha.”
Huwa saħaq li l-pandemija kixfet ir-realtà li minkejja li l-ekonomija ta’ pajjiżna kienet miexja tajjeb, hija ma kinetx b’saħħitha biżżejjed l-għaliex ma’ l-ewwel test bdiet tmajna, u s-sinjali bdew jidhru minn qabel. Bernard Grech insista li dan seħħ l-għaliex l-ekonomija kienet ibbażata biss fuq il-konsum u l-kwantità tan-numri u mhux fuq il-kwalità u niċeċċ ġodda.
Bernard Grech sostna li grazzi għall-ħidma bil-għaqal u l-impenn serju tal-frontliners irnexxielna nikkontrollaw l-pandemija fl-ewwel xhur tagħha. Madanakollu, kompla Grech, sforz il-populiżmu tal-Gvern Laburista u diskors mhux f’postu, il-Prim Ministru Robert Abela spiċċa jilgħab bis-saħħa tan-nies.
Huwa stqarr li l-Partit Nazzjonalista jrid iħares ‘il barra u jgħaraf l-inkwiet tal-Maltin u l-Għawdxin li huma mħassba dwar l-ekonomija, is-saħħa pubblika, id-dinja tax-xogħol u s-sigurtà fl-irħula. Bernard Grech saħaq li l-kriminalità fit-toroq tagħna mhux tiżdied minħabba l-immigranti irregolari biss, iżda ankè minn uħud mill-persuni li ġew mistiedna jaħdmu f’pajjiżna.
Huwa insista li tista’ tkun Malti, Għawdxi jew barrani – iżda jekk bniedem ma jkollux id-dinjità tiegħu u ma jħossux parti mill-komunità aktar jista’ jaqa’ f’riskju li jkun ta’ periklu għas-soċjetà.
Bernard Grech temm jgħid li ma nistgħux niftħu l-bibien ta’ pajjiżna għal madwar 50,000 ħaddiem barrani fis-sena u ma nistgħux inkabbru l-ekonomija malajr għax minkejja li verament jinħolqu l-miljuni, dawn imorru biss fil-bwiet tal-ftit u mhux tal-ħafna.
Huwa saħaq li l-poplu Malti u Għawdxi jrid jgħix ħajja aktar stabbli u dinjitużà bil-għan li ċ-ċittadini jkunu l-aħjar verżjoni tagħhom infushom.
//= $special ?>