Sport Waterpolo

San Ġiljan f’burdata mill-aqwa biex għelbu lil Neptunes

(Ritratt: Martin Agius)

Stewart Said

NEPTUNES …………………………….. 10

SAN ĠILJAN TUM INVEST……. 13

(0-1), (4-5), (1-5), (5-2)

San Ġiljan TUM Invest ikkonfermaw posthom bħala l-aktar tim konsistenti f’dan l-istaġun tas-sajf. Wara li l-Erbgħa li għadda Neptunes umiljaw lil Sliema, wieħed kien qed jistenna din il-logħba biex ikejlu s-saħħa ta’ Neptunes kontra San Ġiljan.

Fil-ġurnata, l-Ġiljaniżi kienu l-aħjar tim għal ħafna mil-logħba u r-rebħa kienet aktar minn meritata. L-iskor finali jista’ jagħti stampa differenti iżda kien fl-aħħar sessjoni li d-distakk bejn it-tnejn ingħalaq. Difiża kompatta li llaxkat ftit lejn it-tmiem, ħarbiet effettivi b’attakki aktar kordinati minn tal-avversarji. L-uniku konsolazzjoni għal Neptunes kien li skorjaw ħames gowls minn seba’ opportunitajiet ta’ raġel aktar.

L-ewwel sessjoni kienet bilanċjata iżda kienu San Ġiljan li temmewha minn fuq 1-0 b’gowl għar-rokna ta’ Paul Fava. Id-difiża Ġiljaniża kienet kompatta bl-għajnuna tal-gowlkiper Jake Tanti li kien attent meta ssejjaħ fl-azzjoni.

Il-logħob kien aktar movimentat fit-tieni sessjoni, b’San Ġiljan jibqgħu jżommu l-vantaġġ tagħhom. Neptunes kien irnexxielhom jirkupraw żvantaġġ doppju permezz ta’ Nikolai Zammit u Jordan Camilleri.

Neptunes kienu anki għamlu l-iskor 3-3 iżda żewġ gowls minn pożizzjoni ċentrali ta’ Paul Fava u Ben Plumpton flimkien ma’ penalty ta’ Dino Zammit poġġew lit-tim ta’ Dorian Pisani b’vantaġġ ta’ 6-3. Zammit naqqas id-distakk f’dak li kien it-tielet man-up minn tlieta skorjati minn Neptunes fit-tieni sessjoni.

Il-mument importanti tal-logħba seħħ fl-ewwel nofs tat-tielet sessjoni. San Ġiljan ħasdu lil Neptunes b’erba’ gowls konsekuttivi minn azzjoni personali ta’ Andreas Galea, lob ta’ Fava flimkien ma’ gowls ta’ Plumpton u Zammit. Jeremy Abela naqqas id-distakk iżda Darren Zammit għamel l-iskor 11-5 minn kontrattakk fl-aħħar sekondi.

Fl-aħħar sessjoni, Neptunes irnexxielhom jagħmlu l-iskor rispettabbli b’żewġ doppjetti ta’ Jake Muscat u Stevie Camilleri, f’dawk li kienu l-uniċi drabi li sabu x-xibka fil-logħba.

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (2), L. Calleja, G. Pace, S. Busuttil, J. Spiteri Staines, S. Camilleri (2), J. Camilleri (2), J. Abela (2), N. Zammit (2), S. Stellini, S. Gialanze, B. Busuttil, M. Castillo, M. Farrugia

San Ġiljan: J. Tanti, K. Tanti, A. Galea (3), D. Ciantar, M. Mannino, M. Zammit, B. Plumpton (4), J. Bonavia, Z. Micallef, Da. Zammit (1), P. Fava (3), Di. Zammit (2), G. Vassallo, M. Ortoleva

Referees: Massimo Angileri, Ronnie Spiteri

L-ewwel rebħa għal Marsaskala

MARSASKALA FISH AND FISH…….. 14

OTTERS NIVEA………………………………. 6

(4-1), (3-1), (3-2), (4-2)

Finalment jaslu l-ewwel tliet punti ta’ Marsaskala Fish and Fish fl-Ewwel Diviżjoni. Fl-assenza tal-kowċ Arpad Babay li kien sospiż, Marsaskala kienu aħjar mill-avversarji f’kull sessjoni.

Marsaskala fetħu vantaġġ ta’ 4-1 fl-ewwel sessjoni, b’Marc Lanzon kien ġab id-draw momentarju għal Otters. Dan il-vantaġġ kompla jissaħħaħ fit-tieni sessjoni, b’Marsaskala dejjem pass qabel l-avversarji. Sa dak il-ħin, Paul Privitera u Liam Grixti kienu skorjaw it-tnejn doppjetta.

L-andament tal-logħba baqa’ ma nbidilx hekk kif id-distakk kien kbir wisq għal Otters biex jibqgħu b’ċans li jevitaw it-telfa. Daniel Tully wieġeb għal Kyle Navarro filwaqt li Max Aquilina u Malcolm Manara għamlu l-iskor 10-4.

Fl-aħħar sessjoni, doppjetta ta’ Matthew Chircop u Max Aquilina kabbru l-iskor għal 13-4, b’Matthew Caruana u Daniel Tully iwieġbu għal Otters sakemm Luke Grech Carr issiġilla r-rebħa għal Marsaskala lejn it-tmiem.

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar (1), A. Camenzuli, P. Privitera (2), M. Aquilina (2), L. Grixti (2), K. Navarro (1), M. Manara (2), L. Felice, G. Galea, R. Attard, M. Chircop, A. Muscat, D. Camilleri, L. Grech Carr

Otters: M. Xerri, M. Lanzon (1), R. Caruana (1), L. Hyzler, E. Meli, L. Gialanze (1), K. Scicluna, M. Caruana (1), D. Dimech, D. Tully (2), S. Xerri, D. Spiteri

Referees: Peter Balzan, Neville Mercieca