Lokali

“Scicluna kien involut fid-deċiżjonijiet skandalużi tal-Gvern Laburista” – Mario de Marco

“Kontra l-impressjoni li prova jagħti ftit tal-ġranet ilu, l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna kien involut u ta l-kunsens tiegħu f’għadd ta’ deċiżjonijiet skandalużi meħuda mill-Gvern Laburista fl-aħħar snin. Dan ħareġ b’mod ċar mix-xhieda li ta s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tiegħu stess, Alfred Camilleri fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.”

Kien dan li ħareġ minn stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi, Mario de Marco fejn kompla jgħid li Camilleri spjega kif id-deċiżjonijiet ewlenin li kellhom impatt ta’ natura finanzjarja kienu jittieħdu mill-Kabinett kollu, u kienu jsiru diskussjonijiet regolari bejn Scicluna u l-Ministri konċernati fil-proġett partikolari. Hu saħaq li fil-każ tal-power station, kien hemm saħansitra laqgħat bejn il-Ministru Konrad Mizzi u Edward Scicluna, xhieda li xxejjen dak li qal il-Ministru tal-Finanzi.

Mario de Marco kompla jgħid li Alfred Camilleri xehed ukoll kif huwa stess kien isejjaħ għadd ta’ laqgħat biex jiddiskutu temi marbuta, pereżempju mal-garanzija mogħtija mill-Gvern lill-Electrogas b’rabta max-xiri tal-power station tal-gass. Dan filwaqt li huwa sostna wkoll li kien jiddiskuti l-kwistjonijiet li jinqalgħu mal-Ministru tiegħu, Edward Scicluna u li dan tal-aħħar kien ikun infurmat regolarment b’dak li jkun għaddej.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li dan juri kemm ma treġix id-difiża fjakka ta’ Edward Scicluna li pprova jagħti x’jifhem li ma kellux vuċi fid-deċiżjonijiet skandalużi meħuda mill-amministrazzjoni Laburista. Hu spiċċa jgħid li ta’ min ifakkar li Scicluna ma ddejjaq xejn jargumenta li ħassu “skomdu” jivvota kontra dawn id-deċiżjonijiet għaliex diġà kien tilef salarju ta’ Membru Parlamentari Ewropew biex joħroġ mal-Partit Laburista fuq livell nazzjonali. Dan biex b’hekk jekk il-Ministru Scicluna verament issa qed iħossu skomdu bid-deċiżjonijiet li hu kien parteċipi fihom, għandu jerfa’ u jassumi r-responsabbilità politika ta’ għemilu u mhux jipponta biss subgħajh lejn ħaddieħor.