Lokali

Spezzjoni ta’ ħames sigħat mill-Pulizija għall-illegalitajiet

Matul il-lejl tal-Ġimgħa u s-Sibt, il-Pulizija tad-Distrett taż-Żejtun bl-assistenza tal-Pulizija mis-Sezzjoni tal-Klieb u mill-Garaxx tal-Pulizija, flimkien mal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, spezzjonaw numru ta’ vetturi waqt kontrolli tat-traffiku.

L-ispezzjonijiet bdew fl-10.30 ta’ filgħaxija u baqgħu għaddejjin sat-3 ta’ filgħodu. L-ewwel ħin seħħ fi Triq Għar Dalam, Birżebbuġa:

  • Raġel Sirjan ta’ 20 sena residenti Birżebbuġa nqabad isuq vettura mingħajr ċintorin tas-sigurtà;
  • Raġel 22 sena resideti Pembroke nqabad isuq vettura b’tinted glass mhux approvat;
  • Raġel ta’ 51 sena residenti ż-Żurrieq irriżulta li kien qiegħed isuq vettura taħt l-influwenza tal-alkoħol wara li t-test tan-nifs irriżulta fil-pożittiv.

Il-kontrolli komplew fi Triq l-Ewwel Titjira, Ħal Kirkop, fejn:

  • Raġel Sirjan ta’ 24 sena residenti Marsakala nqabad isuq vettura b’tinted glass mhux approvat;
  • Fil-pussess ta’ mara ta’ 23 sena residenti Ħal Tarxien, li kienet passiġġiera f’vettura, instabet sustanza suspettata droga cannabis;
  • Fil-pussess ta’ tfajla ta’ 19-il sena residenti Marsaskala, li kienet passiġġiera f’vettura, instabet sustanza suspettata droga cannabis;
  • Fil-pussess ta’ ġuvni ta’ 17-il sena residenti Ħal Għaxaq, li kien passiġġier f’vettura;
  • Instabet sustanza suspettata droga cannabis, oġġetti relatati mad-droga u mus żgħir;
  • Raġel ta’ 45 sena residenti Ħal Qormi rriżulta li kien qiegħed isuq vettura taħt l-influwenza tal-alkoħol wara li t-test tan-nifs irriżulta fil-pożittiv;
  • F’vettura, misjuqa minn raġel ta’ 29 sena residenti Ħal Kirkop, instabu ħames skrataċ.

Il-Pulizija se tkun qed toħroġ akkużi fil-konfront tal-persuni filwaqt li l-investigazzjonijet għadhom għaddejjin.

Dan filwaqt li l-Pulizija tad-Distrett tal-Belt Valletta flimkien mal-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun , wettqu spezzjonjiet fi stabbilimenti, fil-ġonna pubbliċi, kif ukoll f’diversi toroq.

Waqt rondi fi Triq Belt il-Ħażna u Triq is-Sannat, Marsa, ġew innutati vetturi abbandunati. Fuqhom twaħħlilhom notifika sabiex is-sidien tagħhom ineħħuhom minħabba l-periklu li qegħdin joħolqu u li jistgħu jkunu lok ta’ abbużi. Il-Pulizija tkellmu ma’ dawn is-sidien fejn
spjegawlhom li l-vetturi jridu jitneħħew minnufih.

Ġew spezzjonati wkoll ħwienet differenti u l-ġonna, fejn kollux instab skond il-liġi.

Waqt dawn l-ispezzjonijiet, inħarġu wkoll numru ta’ kontravenzjonijiet fuq ipparkkjar illegali.