Lokali

Taljan fil-periklu tal-mewt wara inċident bil-mutur

Ritratt: Arkivji

Sewwieq ta’ mutur Taljan residenti l-Munxar spiċċa jissielet għal ħajtu wara inċident tat-traffiku.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-kwarta tas-Sibt filgħodu fi Triq ix-Xlendi, fil-Munxar stess, meta għal xi raġuni l-vittma ta’ 51 sena tilef il-kontroll tal-mutur tat-tip Ducati bil-konsegwenza li kemm it-Taljan kif ukoll il-mutur baqgħu jitkaxkru għal diversi metri sakemm ħabtu ma karozza pparkjata.

Fil-post ġew msejħa minnufih uffiċjali tal-Pulizija flimkien ma’ ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Ġenerali t’Għawdex fejn aktar tard ġie ċċertifikat li ġarrab ġrieħi serji.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Simone Grech fejn ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

Intant, l-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.