Żagħżugħ ta’ 15-il sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fl-inħawi ta’ Ta’ Qali fiż-żona tad-Dog Park.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-11.15 tal-Ġimgħa filgħaxija fejn irriżulta li l-vittma kien jinsab passiġġier f’karozza misjuqa minn żagħżugħ ta’ 17-il sena, sewwieq taħt l-età – li mill-ewwel indikazzjonijiet huwa tilef il-kontroll tal-vettura bil-konsegwenza li ħabat ma’ ħajt.
Abbord tal-karozza flimkien mas-sewwieq kien hemm żewġ ġuvintur ta’ 15-il sena, inkluż il-vittma, ieħor ta’ 16-il sena u tfajla ta’ 17-il sena.
Fil-post ġie msejjaħ minnufih tim mediku tal-ambulanzi li ħa liż-żagħżugħ ta’ 15-il sena l-Isptar Mater Dei b’urġenza għal aktar kura fejn aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiaq li fetaħ inkjesta u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.
Il-Pulizija tad-Distrett għaddejjin bl-investigazzjonijiet meħtieġa b’rabta ma’ dan il-każ.