Coronavirus Lokali Saħħa

15-il każ ġdid, ifiqu 69 persuna

Fortunatament, fl-aħħar 24 siegħa kellna l-anqas ammont ta’ każi pożittivi ġodda li kienu reġistrati f’dawn l-aħħar erba’ ġimgħat.

Dan hekk kif minn ftit inqas minn 2,000 swab li saru s-Sibt, ħarġu biss 15-il każ pożittiv. In-numru ta’ persuni li fiqu jammonta għal 69. L-ammont ta’ testijiet li saru huwa kemms xejn inqas minn kemm kienu qed isiru f’dawn l-aħħar jiem.

Mill-każijiet li kienu mħabbra s-Sibt, 5 persuni huma familjari ta’ każijiet pożittivi, persuna ġiet f’kuntatt dirett ma’ każ pożittiv, 4 ħadu dan il-virus minn fuq il-post tax-xogħol filwaqt li 2 każijiet ittieħdu waqt attivitajiet soċjali. Il bqija tal-każi, li jammontaw għal 15, huma kollha sporadiċi hekk kif ma ngħata ebda informazzjoni dwar minn fejn ħadu dan il-virus.

L-ammont ta’ każijiet totali mis-7 ta’ Marzu ’l hawn huwa ta’ 1,967. It-total ta’ każijiet attivi huwa ta’ 599, filwaqt li dawk li fiequ mill-coronavirus jammontaw għal 1357.

Sfortunatament, f’pajjiżna, dan il-virus ħalla 11-il vittma, hekk kif is-Sibt tħabbret il-mewt ta’ anzjana ta’ 86 sena. Hija kienet irriżultat fil-pożittivi għall-COVID-19 nhar it-18 ta’ Awwissu u kienet rikoverata fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei.