L-irjus il-kbar kollha fil-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta jinħarġilhom is-salarju tagħhom mill-kumpanija KPMG u dan bl-iskop preċiż li ħadd ma jkun jaf b’mod dettaljat dak li jieħdu kull xahar bħala parti mill-pakkett maqbul bejn l-Air Malta u dawn it-terzi persuni.
Illum nistgħu niżvelaw li minkejja s-sitwazzjoni diffiċli li tinsab fiha l-Air Malta, għadd minn dawn l-irjus kbar fl-Air Malta qed jingħataw kull xahar pakke ta’ eluf ta’ ewro li kull sena jammonta għal għexieren kbar ta’ eluf ta’ ewro.
Fil-lista ta’ din ix-xibka ta’ rjus kbar hemm saħansitra Karl Stagno Navarra li filwaqt li anki jiffroda lill-Air Malta għaliex qajla jidher fil-post tax-xogħol tiegħu, ta’ kuljum jippreżenta programm fuq l-istazzjon Laburista.
Imma dwar dan nitkellmu u niżvelaw aktar dettalji aktar ‘l isfel biex sadattant nimxu b’mod kronoloġiku mad-dettalji li għaddewlna din il-ġimgħa numru ta’ piloti tal-Air Malta li ltaqgħu ma’ il-mument biex iwasslu l-weġgħat tagħhom wara li l-Gvern keċċihom mill-kumpanija.
Dawn il-piloti diżillużi bdew biex qalulna li Covid-19 affettwat ħafna impjiegi, iżda wieħed mill-aktar impjiegi affettwati b’ din il-pandemija hu żgur dak relatat mal-avjazzjoni.
Sa minn Marzu li għadda s-settur tal-avjazzjoni tista’ tgħid li waqaf għalkollox, però għal-linja nazzjonali Air Malta ma kienx għalkollox hekk.
Dan minħabba l-fatt li l-Air Malta kellha tibqa’ topera titjiriet ta’ ripatrijazzjoni u merkanzija bħal posta, mediċini u tagħmir għas-saħħa.
Kampanja orkestrata ta’ negattività kontra l-piloti
“U peress li dan l-aħħar rajna kampanja orkestrata ta’ negattività kontra l-piloti, f’dawn il-jiem ħsibna li nitkellmu ma’ il-mument biex inwasslu l-verità kompluta x’inhi u wkoll il-verżjoni tagħna x’inhi.
“Dan kollu wara li aħna – b’kollox 69 pilota tal-Air Malta u li servejna lill-kumpanija għal bosta snin – spiċċajna bla xogħol b’mod inġust b’effett mit-8 ta’ Ġunju 2020.”
Dawn il-piloti fissrulna li huma mweġġa’ ħafna bit-tradiment tal-Gvern. “Li tkun ilek tagħti servizz leali lill-kumpanija għal aktar minn għoxrin sena u tispiċċa mkeċċi hekk, fil-11:10 tal-Ġimgħa filgħaxija permezz ta’ korrispondenza elettronika u mingħajr ebda proposti mill-Air Malta… ma hi sabiħa xejn. Sa jumejn qabel, iċ-Chairman kien għadu kemm qal lill-Assoċjazzjoni tal-Piloti (ALPA) li ma ridux ikeċċu piloti.
Piloti mkeċċija mingħajr notice
“Lanqas notice period ma riedu jagħtuna jew taħriġ kif miftiehem kieku setgħu. Issa, wara li tkeċċejna, sirna nafu minn terzi persuni li qed jippjanaw sessjoni ta’ taħriġ fis-simulator għalina meta ħadulna saħansitra l-iPads, li fuqu hemm id-dokumenti kollha ta’ informazzjoni relatata mat-tip ta’ ajruplan li aħna liċenzjati fuqu.
“B’hekk ma nistgħux inżommu ruħna aġġornati bħalma dejjem għamilna professjonalment tul il-karriera bl-istudju fil-ħin liberu tagħna, biex noperaw l-ajruplan bl-aktar mod sigur u b’effiċjenza.”
Il-piloiti li tkellimna magħhom staqsew għaliex din il-mibegħda kollha lejhom meta huma dejjem taw l-aqwa servizz lill-kumpanija nazzjonali u dan anki fil-mumenti koroh bħal, pereżempju, meta kellhom jevakwaw ċittadini Maltin mill-gwerra fil-Libja?
B’kollox il-Gvern keċċa minn mal-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta xejn inqas minn 69 pilota. “Hi sfortuna lit-Tmexxija tal-Air Malta nħakmet minn klikka ta’ nies wisq qrib il-Partit Laburista b’James Genovese, li hu l-Acting Human Resource Manager, jinagħata promozzjoni f’ April 2020 proprju fiż-żmien eżatt wara li faqqgħet il-pandemija u mbagħad fl-istess ġimgħa li tkeċċew il-piloti, dan jagħmel ritratt fuq il-midja soċjali tiegħu m’għannaq mal-Prim Ministru Robert Abela biex juri s-saħħa politika tiegħu fl-Air Malta.”
Il-piloti li tkellmu magħna żiedu li hu “tajjeb li wieħed isemmi l-istrateġija ta’ bullying li dan kien juża mal-Kumitat tal-ALPA, fejn waqt laqgħat kien iqatta’ ħin twil jilgħab bil-mobile u x’ħin ifettillu jaqbad jittewweb u jgħid: “u iva, piloti hawn kemm trid!
Il-piloti ġew bullied u insultati
“Dan insult u bullying lejn il-komunità tal-piloti Maltin li dejjem tat l-aqwa servizz lil-linja nazzjonali Air Malta u issa dawn il-piloti huma bla xogħol.”
Huma komplew li tant hu hekk li l-Air Malta iktar ma għadda ż-żmien, dejjem ipproponiet proposti dejjem agħar minn ta’ qabilhom għal tliet darbiet sħaħ, saħansitra meta darba minnhom, nhar is-27 ta’ Ġunju li għadda x’ħin it-Tmexxija tal-kumpanija kellha indikazzjoni li l-vot fuq il-proposti kien se jkun kontra. X’ġara? Dawn irtirawh sigħat biss qabel ma kellha tittieħed il-votazzjoni fuqhom sakemm “fil-Proposti Finali” l-piloti ngaċċggati mal- Air Malta ivvutaw kollha kontrihom u dan seħħ nhar is-17 ta’ Awwissu 2020.
Il-ħuta minn rasha tinten u wieħed mill-piloti tal-Air Malta sostna magħna li hu għadu impjegat mal-Air Malta, u tenna li jeżisti kunflitt qawwi ta’ interess meta hemm in-Nutar Charles Mangion, iċ-Chairman tal-Air Malta, f’kumpanija parastatali, imbagħad in-neputi, il-Ministru Silvio Schembri, huwa xejn ħlief il-Ministru tal-istess azjenda!
Żewg persuni li ma jifhmu assolutament xejn fil-qasam tal-avjazzjoni u meta kunflitt ta’ interess bħal dan ma tarah qatt f’pajjiż ċivilizzat.
“L-Air Malta nqdiet bina u mbagħad remietna. Minflok ma taw xogħol lill-impjegati tal- Air Malta, tawh lill-kumpanija Qatar Airways biex iġorr hi l-merkanzija. Dan kollu għax is-CEO ta dak iż-żmien – Clifford Chetcuti – kien il-Viċi President fl-Uffiċċju tat-Taħriġ tal-Qatar Airways qabel ma ġie Malta, u issa hemm min qiegħed jistaqsi jekk hux se jerġa’ jmur hemm.
Dik il-merkanzija setgħet tinġarr mill-Air Malta. L-istess kien ġara meta Clifford Chetcuti ġie fl-2018.
L-Air Malta kellha nuqqas kbir ta’ piloti, iżda minflok ma għamlet taħriġ tal-piloti tagħha, dawn għamlu taħriġ għal piloti ta’ linja tal-ajru nazzjonali oħra… il-Qatar Airways, għax Clifford Chetcuti kien għadu kemm rabat lill-Air Malta b’kuntratt ta ‘ taħriġ għal ħaddieħor. Dan, allegaw, mhu xejn ħlief kunflitt ta’ interess!
Pastażata ta’ kuntratti ma’ ċerti rjus kbar
“Biex ma nsemmux ukoll il-pastażata ta’ kuntratt li kellu l-istess CEO fejn ħadd għadu ma jaf x’salarju kellu, f’kumpanija tal-Gvern, imħallsa wkoll mit-taxxi ta’ kull ċittadin Malti u jekk irriżenjax b’salarju mħallas sa April tas-sena d-dieħla jiġifieri 2021 jew ġiex imkeċċi mill-kumpanija wara l-fratterija sħiħa li saret mal-piloti mkeċċjia,” komplew jgħidulna s-sorsi tagħna.
Dan kollu jħoll u jorbot ma’ ċirku ta’ nies qrib sew tal-Partit Laburista, hekk kif il-Manager ta Fligħt Operations, Emvic Debono, kien ġie appuntat mingħajr ebda sejħa jew intervista sentejn u nofs ilu.
Allegatament jirriżulta li Emvic Debono kellu djun kbar ma’ sħabu li kien jaħdem magħhom bħala pilota fil-Lvant Nofsani. Dan ingħata paga għolja ħafna saħansitra li l-Air Malta allegatament ħarġitlu skema ta’ self mal-BOV biex itaffi ftit mid-dejn kbir li ħalla warajh ma’ sħabu fl-Emirati Għarab Magħquda biex meta ġie lura Malta.
Emvic Debono kellu għadd ta’ każijiet kontrih f’Malta. Dan wara l-allegat falliment tal-kumpanija ta’ martu li kienet tipproduċi bibien, fejn allegatament jingħad ukoll li martu ġiet imħarrba warajh b’passaport diplomatiku biex teħles minn akkużi serji fl-Emirati u kontijiet sigrieti b’banek oħra.
“Dan kollu jorbot ma’ ċirku ta’ nies akkużati bi frodi bħal Karl Stagna Navarro li għadna sal-lum ma nafux kemm hu s-salarju preċiż tiegħu għalkemm nafu li dan jammonta għal għexieren kbar ta’ ewro kull sena. Hu wkoll imħallas mill-istess taxxi tal-poplu Malti iżda mbagħad f’kull stqarrija l-Air Malta ma tistħix ixxandar is-€700,000 fl-ekwivalenti ta’ żewġ terzi ta’ għaxar snin paga li hu intitolat bħalissa li jieħu f’pensjoni kull pilota li jirtira ta’ 55 sena mal-Air Malta.
Tajjeb li wieħed isemmi li din il-pensjoni kienet ġiet miftehma bħala inċentiv, fi żmien fejn il-piloti Maltin kienu qed iħallu gżiritna għal ma’ kumpaniji oħra fejn ġew offruti salarji tliet darbiet jew erba’ aktar minn dak f’Malta. Tul dan iż-żmien kienet l-Air Malta li naqset milli tipprovdi pensjoni privata fuq dak miftiehem u għaldaqstant illum qed tara kif tagħmel kif teħles minnha.
Manuvri b’malizja u b’qerq
Hu proprju dan li t-Tmexxija tal-Air Malta qed tipprova tagħmel mal-piloti, fejn bl-iskuża tal-Covid-19 qegħdin jaraw kif jagħmlu biex b’malizja jkissru l-kundizzjonijiet tal-piloti li huma stinkaw tant għalihom. Kundizzjonijiet ta’ prekarjat u theddid indirett bħalma ġew impjegati piloti li tkeċċew mill-Air Malta mal-kumpanija misterjuża Malta Med Air, li twaqqfet sentejn ilu u l-Ministru ta’ dak iż-żmien – Konrad Mizzi – kien aċċertana li l-Malta Med Air mhux se tkun ta’ kompetizzjoni għall-Air Malta, metà issa b’theddida lejn l-Air Malta se taħdem iċ-‘Charter Fligħts’ tal-Air Malta.
Is-sorsi ta’ il-mument fakkruna li kien propru sentejn ilu li l- Prim Ministru Robert Abela kien inqabbad bħala konsulent legali tal-Ministru Konrad Mizzi.
Dakinhar kien iffirmat ftehim bejn il Gvern u l-ALPA fejn kien ta’ garanzija f”Non Disclosure Agreement’ lill-piloti, li jekk il-Gvern jagħlaq jew ikkeċċi lill-piloti tal-Air Malta, il-Gvern ikollu joffri impjieg alternattiv bħala piloti ġewwa Malta bl-istess salarju, grad u kundizzjonijiet.
Dan kollu ħareġ mill-mandat li l-ALPA kienet għamlet wara t-tkeċċija ta’ 69 pilota. Issa wara li tkeċċew 69 pilota għadu mhux magħruf jekk il-Gvern hux se jonora jew le dan il-ftehim, fejn il- Prim Ministru Robert Abela kien ħareġ jgħid fuq il-media soċjali li l-piloti sejrin jitħallsu b’rati kif jixirqilhom.
Mistoqsija dwar għaliex l-aħħar proposti ma kenux aċċettati mill-piloti li għadhom jaħdmu mal- Air Malta, wieħed mill-piloti sostna li l-aħħar proposti kif imressqa mill-Air Malta m’huma xejn ħlief estorsjoni u theddid għad-drittijiet tal-impjieg tagħhom kollha, sia dawk ġewwa kif ukoll aktar għal dawk imkeċċja.
Qisek qed tgħid li wieħed li diġà mhuwiex jonora ftehim bil- miktub, qed jitlob li l-ewwel jitħassar l-istess ftehim biex imbgħad jonorah! Dan għaliex fil-proposti mressqa m’hemm l-ebda obbligazzjoni minn naħa tal-Air Malta li ma terġax tkeċċi lill-istess piloti mkeċċija jew aktar piloti waqt dan it-terminu ta’ ftehim.
“Allura wieħed jistaqsi għalfejn għandna nċedu klawsoli mill-kuntratt meta l- Air Malta mhix taċċerta li tħaddem il-piloti kollha f’dan iż-żmien tant diffiċili tal-ftehim?”
Tant hu hekk li l-Assoċjazzjoni tal-Piloti fl-Ewropa (ECA) fl-4 ta’ Awwissu 2020 ikkundannat l-aġir tal- Air Malta fil-konfront għall-mod tat tkeċċija inġusta tal-piloti tagħha.
Dan meta l-piloti kollha tal-Air Malta kienu lesti mill-bidunett tal-pandemija jmorru b’nofs paga, u l-ebda pilota ma ppretenda li joqgħod id-dar jitħallas mill-Air Malta jew mill-Gvern ta’ xejn, iżda l-Air Malta għażlet minnflok li tkeċċi l-piloti fl-inqas skala żżomm il-piloti li għandha fuq is-salarju normali meta setgħet faċilment tħalli l-piloti kollha fuq il-kotba tagħha biex meta tgħaddi l-pandemija terġa’ tkun l- Air Malta li tgħin fit-turiżmu u tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna kif dejjem għamlet.
Ċerti rjus kbar b’pagi sigrieti maħruġa mill-KPMG
Kien hawnhekk li mal-piloti tkellimt dwar kif ammont ta’ salarji ta’ ħaddiema fl-Air Malta qed jinħarġu mill-KPMG u l-piloti fissruli li l-Air Malta għandha sistema organizata ta’ kif tħallas u tipproteġi l-informazzjoni dwar is-salarji ta’ persuni bħal Karl Stagno Navarra u ta’ kbarat oħra iżda li huma fil-qalba. Dan biex id-dettalji dwar dawn il-pagi jkunu mistura u ħadd internament ma jkun jaf kemm jaqilgħu mill-Air Malta.
Hi l-kumpanija KPMG li qed toħroġ is-salarju ta’ Karl Stagno Navarra, il-frodist magħruf u li warajh hemm jiġru għadd ġmielu ta’ nies biex jieħdu lura dak li ngidmu minnu.
Anke wara ċerti sentenzi deċiżi mill-Qorti, jirriżulta li hu naqas milli jonora tali sentenzi u għalhekk dan il-Gvern ippremjah b’pożizzjoni għolja fl-Air Malta fejn is-salarju tiegħu mhux talli mistur, iżda jista’ jiġi rivedut b’żiediet sostanzjali fis-salarju b’sempliċiment telefonata lil tnejn minn nies f KPMG.
Taħt dan il-Gvern fejn il-korruzzjoni tirrenja u hi istituzzjonalizzata, Karl Stagno Navarra dan l-aħħar saħansitra ngħata parkeġġ riservat fil-qalba ta’ Tas-Sliema fejn résidenti qrib tiegħu lmentaw kif fuq liema bazi dan ingħata permess speċjali quddiem il-bieb tiegħu biex jipparkja fejn huma jsibuha diffiċli ferm biex isibu post fejn jipparkjaw.
Hu stat ta’ fatt li Karl Stagno Navarra ma jidher imkien fl- Air Malta anke jekk ingħata uffiċċju għalih fil-magħluq. Dan jidħol u joħroġ x’ħin irid u meta jfettilu. Mhux hekk l-istess jista’ jingħad għall-impjegati l-oħra fl-uffiċċji tal-Air Malta li lmentaw magħna li għall-kunrarju tagħhom fejn iridu jippanċjaw suġġetti għad-dixxiplina waqt li dan u nies oħra li huma dikkjarati “tagħna lkoll” u allura jagħmlu li jridu fejn għalhekk ħadd ma jista’ jkellimhom jew jista’ jagħmlilhom xejn.
Finalment id-domanda fir-rigward tal-piloti mkejjċija tibqa’ sempliċi: kienx għaqli li l-impjegati jieħdu nofs paga u jibqgħu kollha mħarrġa mal-Air Malta jew inkella kif ġew stmati… mżebilha u mkeċċija meta l-Gvern hu xorta obbligat li jħallashom?
//= $special ?>