Diversi pajjiżi Ewropej ikkundannaw bl-aħrax id-deċiżjoni tal-awtoritajiet fil-Belarus biex jirtiraw l-akkreditazzjoni ta’ ġurnalisti li qed jirrappurtaw dwar il-protesti ta’ wara l-elezzjoni f’dan il-pajjiż għall-kumpaniji tal-media barranin.
Tmiem il-ġimgħa rat protesti ġodda kontra l-Gvern, meta d-dimostrazzjonijiet fil-Belarus ilhom għaddejjin mindu l-President Alexander Lukashenko – li ilu fil-poter mill-1994 — ingħata rebħa ferm diskutibbli fl-elezzjoni li saret aktar kmieni dan ix-xahar.
Kiber it-tħassib li l-elezzjoni kienet imbagħbsa biex tiffavorixxi lil Lukashenko – bi Svetlana Tikhanovskaya, il-kandidata ewlenija tal-Oppożizzjoni tkun kostretta taħrab lejn il-Litwanja, ftit wara li tħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni f’pajjiżha.
Fl-aħħar ġimgħat, il-Belarus għadda minn dimostrazzjonijiet bla preċedent organizzati miċ-ċittadini u entitajiet tal-Oppożizzjoni – bil-ħaddiema jwettqu azzjonijiet industrijali fuq il-postijiet tax-xogħol. Eluf spiċċaw arrestati fost il-ħafna rapporti ta’ brutalità fuq in-nies min-naħa tal-pulizija.
L-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti huma fost l-entitajiet prinċipali li mhumiex jaċċettaw l-elezzjoni fil-Belarus bħala waħda ħielsa jew demokratika.
Intant, in-network tal-aħbarijiet tal-BBC ( fl-Ingilterra) fl-aħħar sigħat ma baqax lura milli jikkundanna ‘il-passi kontra l-ġurnaliżmu ħieles fil-Belarus’.
Dan waqt li s-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Dominic Raab, ikkummenta bl-istess mod dwar is-sitwazzjoni filwaqt li esprima t-tħassib tiegħu lill-uffiċjali tal-Belarus.
Il-Ministeru Awstrijak għall-Affarijiet Barranin fisser l-azzjoni kontra l-ġurnalisti fil-Belarus bħala ‘attentat sfaċċat biex ma jsirx rappurtaġġ xieraq tal-iżviluppi f’dak il-pajjiż.
Fl-aħħar sigħat kien ikkonfermat li talanqas għaxar ġurnalisti – uħud minnhom Russi – tilfu l-akkreditazzjoni biex jirrappurtaw dwar x’qed iseħħ fil-Belarus. Il-kumpaniji tal-media affettwati kienu jinkludu Radio Liberty, AFP u Deutsche Welle.
Aktar qabel, numru ta’ ġurnalisti, fosthom grupp tal-BBC, kienu ‘inżammu mill-pulizija għal xi żmien’ f’Minsk qabel saret protesta kontra l-Gvern. Kelliema ma’ dan il-grupp qalu li deher ċar li l-pulizija ‘riedu jfixklu r-rappurtaġġ tal-avvenimenti fil-kapitali tal-Belarus’.
Fi tmiem il-ġimgħa, diversi eluf ta’ nisa – ħafna minnhom lebsin il-kostum nazzjonali – immarċjaw minn Minsk bħala ‘mixja ta’ solidarjetà’ fost għajjat biex Lukashenko u l-Gvern jirriżenjaw. Il-pulizija wettqu numru ta’ arresti u sakemm morna għall-istampa l-indikazzjonijiet kienu li n-nies kienu qed iħejju jerġa’ aktar protesti rabbjużi kontra l-Gvern u l-President tal-Belarus.
//= $special ?>