Illum wara nofsinhar ġie arrestat fi Spanja it-tielet suspettat allegatament involut fil-qtil doppju li seħħ f’Tas-Sliema fi Triq Locker nhar it-18 t’Awwissu li għadda.
Is-suspettat ta’ nazzjonalità barranija ġie arrestat f’lukanda fil-port ta’ Cadiz, f’ħidma konġunta bejn il-Pulizija Maltija u dik Spanjola, permezz tas-sezzjonijiet rispettivi tal-Interpol.
Kif żvela Net News jumejn ilu, is-suspettat kien telaq minn Malta b’titjira lejn Barċellona, wara li rnexxielu jiżgiċċa mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Minn Barċellona imbgħad baqa’ sejjer lejn il-belt kostali ta’ Cadiz, li tinsab fuq in-naħa tal-Oċejan Atlantiku – ix-xaqliba l-oħra ta’ Spanja – bis-sorsi tagħna jindikaw li r-raġel qabad titjira oħra sabiex jasal fir-Reġjun ta’ Andalusia.
Mhux magħruf eżatt x’rabtiet għandu dan ir-raġel f’Cadiz u r-raġuni eżatta għaliex għażel din il-belt biex jistaħba fiha. Teżi oħra tista’ tkun li s-suspettat qabad titjira lejn Spanja sempliċiment bħala punt ta’ tranżitu.
Kif kien konfermat fi stqarrija uffiċjali li ħarġet nhar il-Ġimgħa, il-Pulizija Maltija kienet mill-ewwel bdiet il-proċeduri sabiex jinħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew u sar kuntatt mal-Pulizija Spanjola, sabiex la darba jinqabad, jiġi estradit lejn Malta.
Ir-raġel, li allegatament huwa Daniż, issa mistenni jibda l-proċess fil-Qrati Spanjoli bil-għan li jiġi estradit lejn Malta. Dan biex eventwalment jitressaq il-Qorti akkużat bl-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski.
L-ewwel żewġ kompliċi – Daniel Muka u Viktor Dragomanski – diġa’ tressqu l-Qorti akkuatii b’dan id-delitt doppju. L-irġiel għadhom qed jinżammu arrestati.
Muka, Dragomanski, u t-tielet wieħed li ġie arrestat fi Spanja, ilkoll kienu ġew individwati minn kameras tas-sigurtà kif kien żvela dan is-sit b’mod esklussiv. Fil-fatt, ir-ritratt meħud minn CCTV kien kruċjali għall-investigaturi biex jiġu lokalizzati t-tliet aggressuri.
Dwar dan il-każ kienet infetħet inkjesta immexxija mill-Maġistrat Ian Farrugia.
