”Pal kien bniedem li jpoġġi lil sħabu u lill-familja l-ewwel u qabel kollox”
Hekk ġie deskritt l-Ungeriż Pal Lengyel li tilef ħajtu bejn il-lejl tat-22 u 23 t’Awwissu wara inċident li kellu bil-mutur tiegħu fi Triq il-Kosta.
Lengyel li twieled b’Ottubru tal-1969 f’Debrecen l-Ungerija, ġie f’pajjiżna sitt snin ilu fejn kien jaħdem bħala taxi driver.
Matul il-jum tal-Ħadd, Net News tkellem ma’ ħbieb ta’ Lengyel, propju f’Cafetteria li Lengyel żar tlett ijiem qabel l-inċident. Imnikktin u għadhom ma jistgħux jemmnu b’dak li ġara, stqarrew magħna li hu kien persuna li wieħed seta’ jiftaħ qalbu magħha, ġentlom.. tant li lest ibati hu biex jara lil ħaddieħor kuntent, dejjem jitbissem u jġib ferħ kbir kull fejn ikun.
Pal kien iħobb jgħum, jaqra u jilgħab il-handball kull meta jkollu ċ-ċans.
Propju ftit xhur ilu, hu tilef ħabib speċjali tiegħu proprju ftit metri ‘l bogħod minn fejn seħħ l-inċident tiegħu. Minn dakinhar tal-inċident hu xtaq ibiegħ il-mutur għax baqa’ ddispjaċut ferm wara l-mewt ta’ sieħbu.
Jidher li dakinhar tal-inċident.. hu ħareġ għal dawra, fejn inzerta kien hemm fotografu li ġibidlu ritratti waqt li kien qed isiq… waqaf jieħu cafe’… xi ħaġa li kien iħobb jagħmel. Iżda sfortunatament, meta kien sejjer lura d-dar… tilef il-kontroll tal-mutur tiegħu, ħabat mal-barrikati u tkaxkar għal diversi metri.
Waqt li kienu qed jitkellmu magħna, sħabu xtaqu jirringrazzjaw lit-tobba, infermiera u dawk kollha li pruvaw jagħtu l-ewwel għajnuna lil Lengyel, lil sħabu u lil familjari kemm fuq il-post tal-inċident kif ukoll fl-Isptar Mater Dei.. għajnuna li kompliet anke wara mewtu.
Matul il-Jum tas-Sibt, fi Triq il-Kosta, tpoġġew għadd ta’ fjuri u xemgħat mill-familjari u sħabru b’tifkira għall-memorja tiegħu.
Intant, l-aħħar vjaġġ ta’ Pal Lengyel ser isir is-Sibt 12 ta’ Settembru b’Korteo li jitlaq mill-Isptar Mater Dei għall-ajruport internazzjonali ta’ Malta fejn imbagħad il-Katavru ta’ Pal jitlaq lejn l-Ungerija fejn hemmhekk issirlu d-difna f’raħal twelidu.
//= $special ?>