Net News jista’ jikkonferma li l-middleman fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Melvin Theuma, iddaħħal mill-ġdid l-isptar.
Mhux magħruf eżatt ir-raġuni għaliex ġie rikoverat, għalkemm is-sorsi tagħna qalulna li qed jiekol u jixrob.
Ftit wara li netnews.com.mt ippubblika din l-aħbar, ħarġet il-konferma minn naħa tal-Korp tal-Pulizija. L-istqarrija mid-Depot kienet tgħid li Melvin Theuma, li kien ingħata proklama biex jixhed fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, iddaħħal Mater Dei għal kura li m’għandhiex x’taqsam mal-każ li seħħ f’Lulju.
Intqal ukoll illi Melvin Theuma se jinżamm l-isptar għall-aktar attenzjoni medika.
Ix-xahar li għadda, Theuma kien qatta’ xejn naqas minn 17-il jum f’Mater Dei wara li allegatament prova jweġġa’ lilu nnifsu.
Melvin Theuma kien iddaħħal b’urġenza fil-21 ta’ Lulju wara li nstab fil-kamra tas-sodda tal-appartament tiegħu fis-Swieqi b’daqqiet ta’ sikkina f’żaqqu, fil-polz ta’ idu x-xellugija u f’għonqu.
Ix-xhud tal-istat kien inżamm rikoverat fis-Sala tal-ENT wara li kien ġie trasferit mit-Taqsima tal-Kura Intensiva fejn kien iddaħħal oriġinarjament.
Hu kien ħalla l-isptar fis-7 t’Awwissu.
