Futbol Sport

Messi ma jattendix għat-testijiet mediċi ta’ Barcelona

(Ritratt: EPA)

Fl-ewwel ġurnata ta’ taħriġ ta’ Barcelona taħt it-tmexxija tal-kowċ il-ġdid Ronald Koeman, Lionel Messi naqas milli jirritorna għat-taħriġ u naqas milli jattendi għat-testijiet mediċi b’rabta mal-coronavirus.

Numru ta’ partitarji dalgħodu nġabru quddiem iċ-ċentru ta’ taħriġ ta’ Barcelona, b’bosta jkunu ddiżappuntati wara li l-idolu tagħhom ma rritornax għat-testijiet.

Aktar kmieni din il-ġimgħa ħarġet l-aħbar li Messi jrid iħalli lil Barcelona wara li l-istess tim ġie eliminat mis-semifinali tal-UEFA Champions League kontra Bayern Munich.

L-attakkant ta’ 33 jidher li jixtieq li jissieħeb mal-ex kowċ ta’ Barcelona, Pep Guardiola fil-Premier League bit-tim ta’ Manchester City jkollhom iħallsu l-klawsola ta’ €700 miljun. Il-La Liga qatlet kull tama’ li Messi jkun jista’ jħalli lil Barcelona b’xejn wara li fi stqarrija qalet li min se jkun qiegħed jixtri lil Messi jrid iħallas il-klawsola li għandu l-plejer.