Coronavirus Lokali

“Mingħajr għajnuna mill-Gvern, il-ħaddiema se jitkeċċew” – GRTU & GWU

“Mingħajr għajnuna mill-Gvern, diversi negozji se jfallu u oħrajn se jkollhom ikeċċu lill-ħaddiema.”

Kien dan il-ħsieb ewlieni tal-GRTU u l-GWU mal-gazzetta ILLUM dwar l-isfidi kbar li qed jaffaċjaw negozji fis-settur tat-turiżmu hekk kif matul l-istaġun tas-sajf il-pandemija tal-COVID-19 ġabet dan is-settur għarkupptejh.

Din is-sitwazzjoni se tmur għall-agħar hekk kif pajjiżna joħroġ mill-istaġun tas-sajf magħruf l-iktar għall-eluf ta’ turisti li fis-snin passati kienu jiġu f’Malta, bir-ristoranti, lukandi u negozji oħra fis-settur tat-turiżmu se jkunu qed jaraw tnaqqis drastiku fil-bejgħ tas-servizz tagħhom.

Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union, Josef Bugeja qal li l-membri tagħhom ħabbru li fil-bidu t’Awwissu l-bejgħ kien beda jirkupra, iżda hekk kif il-każijiet reġgħu bdew jiżdiedu kollox spiċċa sfaxxa fix-xejn.

Il-President tal-GRTU, Philip Fenech qali li anke jekk in-negozji jiġu mgħejjuna se jaraw sfidi kbar filwaqt li jekk ma jingħatawx għajnuna se jispiċċaw isofru minn danni kbar.

It-tnejn qabblu li ma jistax ikun li l-Gvern jittratta din is-sitwazzjoni tal-pandemija bħallikieku hi xi logħba u jħalli l-każijiet pożittivi filli niżlin u filli tilgħajn mingħajr ma jieħu azzjoni konkreta biex il-każijiet ġodda jinżammu baxxi kemm jista’ jkun. Dan hekk kif iż-żieda fil-każijiet qed tirriżulta f’iktar pajjiżi li qed ipoġġu lil Malta fil-lista l-oranġjo.

Dan kollu qed jgħati xejra xejn sabiħa, biċ-ċifri ppublikati mill-NSO dwar l-ewwel seba’ xhur juru li d-defiċit tela’ għal aktar minn biljun ewro, b’diversi ħaddiema u għaqdiet qed jitolbu biex il-Gvern jintervjenti b’għajnuna ġusta. Dan biex jiġi evitati li n-negozji jfallu u b’riżultat t’hekk għadd ta’ ħaddiema jispiċċaw mingħajr impjieg.