Internazzjonali

Montenegro: Vot karatterizzat b’tensjoni bejn il-Gvern u l-Knisja

Il-poplu ta’ Montenegro qed jivvota f’elezzjoni meqjusa bħala eżami diffiċli għall-Partit fil-Gvern li kellu jiffaċċja sena ta’ protesti u tensjoni mas-sostenituri tal-Knisja Ortodossa li għandha influwenza kbira fil-pajjiż.

Il-President ta’ Montenegro, Milo Djukanovic – meqjus bħala riformista dinamiku minn uħud u bħala mexxej awtokratiku u korrott mill-avversarji tiegħu – ilu jmexxi pajjiżu għal madwar 30 sena u fejn kien strumentali biex Montenegro jissieħeb fl-Alleanza tan-NATO.

Il-Partit Demokratiku tas-Soċjalisti ta’ Djukanovic (favur il-Punent) ma tilef  qatt elezzjoni, iżda hu  daħal għal din l-elezzjoni b’maġġoranza minima ħafna fil-Parlament u kollox kien qed jindika sfida enormi mill-Oppożizzjoni tal-lemin li trid ir-rabtiet eqreb mas-Serbja u r-Russja.

Intant, il-kampanja elettorali kienet karatterizzata mit-tilwima bejn Djukanovic u l-Knisja Ortodossa Serba. Il-konflitt ilu għaddej mill-2019 meta l-Gvern kien għadda liġi li kapaċi tibdel mijiet ta’ monasteri tal-knisja fi proprjetà tal-Istat. Għalkemm Montenegro ddikjara l-indipendenza mis-Serbja fl-2006, l-imsemmija knisja tibqa’ l-akbar istituzzjoni reliġjuża ta’ dan il-pajjiż.