Raġel tilef ħajt fi sparatura meta grupp kbir ta’ dimostranti favur il-President Amerikan Donald Trump ikkonfrontaw dimostranti tal-moviment Black Lives Matter f’Portland, fl-Istat ta’ Oregon.
Il-vittma – raġel abjad – ma kienx identifikat u l-pulizija, fil-fatt, ma speċifikawx jekk l-isparatura kenitx marbuta direttament ma’ waqtiet tal-ġlied li nqalgħu bejn il-membri tal-gruppi rivali.
Dan meta t-toroq ta’ Portland ilhom il-ġimgħat jipprovdu x-xena għal dimostrazzjonijiet kontra r-razziżmu u l-brutalità tal-pulizija.
Il-vjolenza ma naqsitx f’dawn id-dimostrazzjonijiet, bil-belt ta’ Portland issir sinonima ‘mar-rabja popolari’ li qamet wara l-qtil, fil-25 ta’ Mejju, ta’ George Floyd, raġel Afrikan-Amerikan, ftit wara li hu kien inżamm mill-pulizija.
Il-qtil ta’ Floyd iġġenera mewġa ta’ għadab fuq livell nazzjonali u internazzjonali – bil-President Trump, f’Lulju, jibgħat il-qawwiet federali lejn Portland bil-għan li jżommu l-kwiet u jevitaw il-vjolenza fit-toroq.
Intant, l-aħħar rally favur Trump f’Portland qanqal aktar ġlied bejn is-sostenituri tal-President u l-attivisti tal-Black Lives Matter fiċ-ċentru tal-belt.
It-tensjoni rrankat meta konvoj ta’ mijiet ta’ karozzi bil-bnadar tal-Istati Uniti u li kienu qed iġorru ‘il fuq minn elf sostenitur ta’ Trump inġabru quddiem kumpless ewlieni f’Clackamas county, qabel avvanzaw lejn in-naħa t’isfel ta’ Portland.
Fl-aħħar ħinijiet ħarġu filmati ta’ nies jisparaw il-pepper spray u ‘forom ta’ munizzjon’ lejn l-attivisti tal-grupp Black Lives Matter – b’talaħħar jimblukkaw it-toroq biex ma jħallux id-dimostranti favur Trump jidħlu fil-belt.
Dan wassal għal diversi inċidenti vjolenti, bil-pulizija, wara, tikkonferma li saru wkoll xi arresti.
//= $special ?>