Lokali Qorti

Il-kumpilazzjoni ta’ Muka tibda nhar il-Ħamis

Il-kumpilazzjoni tal-Albaniż Daniel Muka li jinsab mixli bil-qtil ta’ żewġt irġiel f’Tas-Sliema fit-18 ta’ Awwissu se tibda tinstema’ nhar il-Ħamis li ġej. Muka jinsab mixli li flimkien ma’ persuni oħra qatel lil Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski u li seraq b’aktar minn €2,300 f’ġojjelli u oġġetti oħrajn mill-istess residenza.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Lia talbet lill-Prosekuzzjoni biex il-Ħamis li ġej tressaq ix-xhieda kollha mportanti sabiex tkun tista’ tiddeċiedi dwar jekk hemmx biżżejjed provi biex l-Albaniż jitpoġġa taħt att ta’ akkuża.

Dak inhar mistennija jixhdu ż-żewġ uffiċjali tal-Pulizija li wettqu l-investigazzjoni dwar il-każ, l-Ispettur James Grech u l-Ispettur Colin Sheldon flimkien ma’ Surġent tal-Pulizija. L-Ispetturi qalu lill-Qorti li huma ma ħarku l-ebda xhud għalissa, anke fid-dawl tal-fatt li l-inkjesta dwar il-qtil għada għaddejja.

Muka tressaq il-Qorti nhar il-Ħamis li għadda u wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih, bl-avukati tiegħu ma jagħmlu l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda kienu talbu biex psikjatra fil-ħabs jeżamina l-istat mentali tiegħu għax qalu li għadda minn trawma kerha

L-Albaniż ta’ 25 sena ġie arrrestat mill-Pulizija fil-25 ta’ Awwissu meta kien qed jistaħba f’dar abbandunata fil-Floriana, wara li allegatament inqabad f’filmati tal-kameras tas-sigurtà f’Tas-Sliema ftit wara l-qtil ta’ Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski f’darhom stess f’Tas-Sliema.

Muka qed jiġi mixli b’10 akkużi fosthom il-qtil taż-żewġt irġiel, li żamm jew issekwestra liż-żewġt irġiel bil-ħsieb li jisraq flus jew ħwejjeġ oħra, talli kien fil-pussess ta’ arma regolari jew imitazzjoni tagħha, talli kellu vettura misjuqa tat-tip Volkswagen Tiguan u talli fit-3 ta’ Awwissu li għadda seraq pjanċi ta’ reġistrazzjoni minn karozza oħra.

B’rabta ma’ dan il-qtil diġa tressaq ukoll Viktor Dragomanski ta’ 36 sena mill-Macedonja. Huwa ġie arrestat nhar l-Erbgħa filgħaxija fil-Gżira u pprova jaħrab lill-Pulizija billi qabeż minn xi gallariji u bjut. Iżda l-Pulizija rnexxilha xorta tarrestah.

It-tielet suspettat, raġel Daniż, il-bieraħ wara nofsinhar spiċċa arrestat fi Spanja. Huwa nqabad f’lukanda f’Cadiz fi Spanja f’ħidma konġunta bejn il-Pulizija Maltija u dik Spanjola. Dan permezz tal-involviment tas-sezzjonijiet rispettivi tal-Interpol.

Il-Ġimgħa dan it-tielet suspettat kien ħarab minn Malta lejn Barċellona. Kien għalhekk li l-Pulizija Maltija bdiet proċess sabiex jinħareġ mandat t’arrest Ewropew fil-konfront tiegħu u dan biex jiġi estradit lejn Malta .

L-Ispetturi James Grech u Colin Sheldon qed imexxu l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukati Noel Bianco u George Buttigieg qegħdin jidhru għal Muka, li diġa kiser difrejh mal-Pulizija, filwaqt li l-Avukati Joseph Giglio u Roberta Bonello qegħdin jidhru bħala parte civile.

Fil-5 ta’ Ottubru 2017, allegatament Muka u ħuh, kien daħlu fil-ħanut ta’ Diamonds Internationals lebsin parrokki u nuċċalijiet tax-xemx, armati b’arma tan-nar u mazza, u serqu eluf ta’ ewro f’ġojjellerija mill-ħanut li jinsab f’Tas-Sliema, inċidentalment tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod minn fejn inqatlet il-koppja, Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski.

L-aħwa kienu waslu bil-ġiri fil-pjazza ta’ Tigne u sparaw tiri ta’ arma tan-nar lejn il-vettrini tal-ħanut. Jirriżulta li minn din is-serqa nsterqu numru ta’ ġojjelli li jlaħħqu l-valur ta’ €330,000.

Allegatament meta ħarġu mill-ħanut, l-aħwa Muka kienu sabu raġel ma’ wiċċhom li prova jwaqqafhom iżda dawn aggredewh b’oġġett iebes u ħarbu minn fuq il-post permezz ta’ vettura.

Ġimgħa wara fit-12 ta’ Ottubru 2017, waqt ronda li kienet qed issir minn żewġ pulizija tar-Rapid Intervention Unit, iż-żewġt irġiel suspettużi kienu ntlemħu fi Triq il-Bajja f’San Ġiljan.

Kif kienu se jiġu arrestati, Daniel Muka ħareġ arma tan-nar u ppuntaha lejn iż-żewġ Pulizija, filwaqt li pprova jagħfas il-grillu bosta drabi. Fortunatament ma ġew sparati ebda tiri hekk kif l-arma ma ħadmitx. Allegatament, fil-pussess tiegħu kienet nstabet id-droga.

Daniel Muka, kien tressaq il-Qorti akkużat b’rabta ma serqa ta’ ġojjellerija minn Tignè u akkużat li prova joqtol uffiċjali tal-pulizija. Eventalment Daniel Muka kien ingħata l-ħelsien mill-arrest.