Coronavirus Edukazzjoni Lokali

Kollox wieqaf sakemm Bonnici jippubblika l-protokolli

Il-Ministru tal-Edukazzjoni ilu jwiegħdhom għal ġimgħat sħaħ.

Il-ġenituri għadhom fil-għama dwar x’se jiġri minn uliedhom… l-għalliema jinsabu mingħajr il-protokolli… u l-kumpaniji tat-trasport tal-iskejjel ma jafux lanqas x’se jiġri.

Hekk stqarrew maghna għadd ta’ xufiera u kumpaniji tat-trasport tal-iskejjel illi insistew li ħadd għadu ma avviċinahom bi struzzjonijiet ta’ proċeduri ċari li għandhom isegwu fid-dawl tal-Coronavirus. Dan meta l-iskejjel mistennija jiftħu f’inqas minn xahar.

L-akbar thassib hu li, bid-differenza għall-klassijiet, fuq ix-xarabanks u l-vannijiet li jintużaw biex l-istudenti jitwasslu l-iskola diffiċli immens li tinżamm id-distanza soċjali.

Il-kumpaniji issa qed ikollhom jistennew lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Owen Bonnici biex jippublika l-protokoll li ilu jwiegħed għal ġimgħat sħaħ… u dan qed iwassal biex kollox jinsab wieqaf mingħajr ma jistgħu jsiru pjanijiet għat-28 ta’ Settembru, il-ġurnata li fiha tibda s-sena skolastika l-ġdida.

Nies fl-industrija, illi tkellmu ma’ Net News, qalulna illi meta l-kumpaniji tal-vannijiet u x-xarabanks ikkunsidraw il-possibiltà li l-vjaġġi jiżdiedu biex b’hekk ma jkunx hemm ħafna studenti fl-istess vettura fl-istess ħin, huma qalu li dan hu diffiċli ferm.

B’hekk, id-dewmien minn naħa tal-Ministru tal-Edukazzjoni mhu jgħin xejn biex jibdew il-preparazzjonijiet minn qabel ħalli jaddattaw mal-protokolli u l-miżuri neċessarji – xi ħaġa li qed tħasseb anke lill-ġenituri.

Dan id-dewmien, iżda, mhux sorpriża għal dawn il-kumpaniji hekk kif sena wara l-oħra jingħataw informazzjoni ftit ġranet biss qabel tibda sena skolastika ġdida.

Minn naħa l-oħra, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci dejjem insistiet li huwa tajjeb li l-istudenti jinżammu fl-istess grupp biex b’hekk jonqos ir-riskju tat-tixrid tal-virus minn klassi għall-oħra. Iżda r-realta’ hi li meta l-istudenti jkunu fuq it-trasport tal-iskola, tfal ta’ kull età u minn klassijiet differenti jispiċċaw jitħalltu fl-istess vann jew xarabank.