Coronavirus Lokali

“L-anzjan li miet il-Ħadd ħa l-Covid mill-isptar” – il-familja tal-vittma

Jiċħdu l-informazzjoni maħruġa mill-Gvern

Il-familja Farrugia tinsab maħsuda bil-mod kif ġiet rappurtata l-mewt tal-qarib tagħhom, li kien it-12-il vittma tal-Covid-19. Dan l-anzjan miet il-Ħadd.

Fi kliem l-istess familja, ir-raġel iddaħħal Mater Dei fis-16 t’Awwissu u mhux fit-23 kif qal il-Gvern fi stqarrija uffiċjali. Hu kien rikoverat fuq materja ta’ saħħa li ma kellha x’taqsam xejn mal-Coronavirus, u meta daħal l-Isptar ittestja negattiv.

Il-familja, f’komunikat lil Net News, qalet li l-anzjan baqa’ fl-isptar għal numru ta’ jiem, u kien biss fl-24 t’Awwissu li ttestja pożittiv għall-Covid. dan ifisser li hu spiċċa infettat bil-virus mill-isptar stess.

Il-vittma kellu 85 sena.

Dan l-anzjan li miet il-Ħadd kien it-tieni vittma tal-Covid-19 f’temp ta’ 24 siegħa.