Internazzjonali

L-ewwel titjira storika minn Iżrael lejn l-Emirati Għarab

Ajruplan tal-linja tal-ajru Iżraeljana El Al għamel l-ewwel titjira kummerċjali storika minn Iżrael lejn l-Emirati Għarab Magħquda u meta abbord kien hemm delegazzjoni ta’ uffiċjali Iżraeljani u mill-Istati Uniti.

It-titjira ta’ tliet sigħat saret possibbli permezz tal-ftehim għall-paċi li tħabbar ġimgħat ilu bejn Iżrael u l-Emirati Għarab u li witta t-triq għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali.

L-Emirati Għarab Magħquda sar biss it-tielet pajjiż Għarbi fil-Lvant Nofsani li rikonoxxa lil Iżrael mindu twaqqaf bħala Stat, fl-1948.

Intant, l-ajruplan tal-El Al tħalla jaqsam mill-ispazju tal-ajru tal-Arabja Sawdija li s-soltu jkun magħluq għat-traffiku tal-ajru minn Iżrael. Dan il-fattur, fih innifsu, kien ukoll pass sinifikanti lejn stat ta’ normalizzazzjoni.

Fi tmiem il-ġimgħa l-oħra, l-Emirati Għarab irtira liġi ‘għall-bojkott ta’ Iżrael’ li kien ilu effettiv mill-1972.  Dan wara li ż-żewġ pajjiżi, jiem qabel, kienu fetħu s-servizzi telefoniċi diretti bejniethom għall-ewwel darba.

Il-ftehim biex ir-relazzjonijiet bilaterali jirritornaw għan-normal kien sponsorjat mill-Istati Uniti u sar magħruf, pubblikament, fit-13 ta’ Awwissu permezz ta’ aħbar sorpriża.