Internazzjonali Mużika

Lady Gaga tiddomina l-VMAS

The Weekend jikseb l-aktar unur prestiġjuż

Il-kantanta Lady Gaga kienet ir-reġina ta’ din l-edizzjoni tal-Video Music Awards 2020 wara li kisbet il-maġġoranza tal-premjijiet tas-serata ta’ din is-sena organizzata l-Ħadd filgħaxija fil-Belt Amerikana ta’ New York.

Għal din l-edizzjoni, l-VMAs kellhom dehra ferm differenti mis-soltu kawża tal-pandemija tal-Covid-19, bl-artisti varji mġiegħla jżommu d-distanza soċjali minn xulxin.

Lady Gaga kisbet xejn inqas minn ħames unuri fosthom l-artista tas-sena, il-kanzunetta tas-sena, b’Rain On Me kollaborazzjoni ma’ Ariana Grande, kif ukoll unur għall-aqwa filmati.

Spikka wkoll l-ilbies tal-maskri, b’mod speċjali tal-istess kantanta Lady Gaga fejn ħarġet fuq il-palk xejn inqas minn 7 darbiet, b’maskra differenti kull darba b’ilwien u forma diversa.

Iżda minkejja d-dominanza assoluta ta’ Lady Gaga – l-aktar unur prestiġġjuż tas-serata kisbu The Weekend bl-aqwa video mużikali tas-sena għal kanzunetta ‘Blinding Lights’

Meta tela’ ghall-award, The Weekend tkellem dwar il-protesti fl-ibliet tal-Istati Uniti fl-isfond tal-brutalità mwettqa mill-pulizija Amerikana

Fost ir-rebbieħa l-oħra kien hemm ukoll Doja Cat li rebħet Best New Artist, Dua Lipa li rebħet best visual effects għal kanzunetta Physical, l-unur ta’ Best POP kisbuh il-grupp BTS għal kanzunetta ON, u l-aqwa direzzjoni mar għand il-kanzunetta The Man ta’ Taylor Swift.

Tul is-serata ġie mfakkar l-attur Chadwick Boseman li tilef ħajtu nhar il-Ġimgħa wara battalja kontra l-kanċer. Boseman, magħruf għall-irwol li interpreta fil-franchise ta’ Marvel, ta’ Black Panther, ġie deskritt bħala raġel mimli talenti u ta’ ispirazzjoni għal bosta.