Lokali Xjenza u Teknoloġija

Massimo Vella maħtur Kap Eżekuttiv ġdid għall-aġenzija li tiffaċilita l-għoti tas-servizzi governattivi

B’effett minn dan ix-xahar, l-aġenzija governattiva servizz.gov għandha Kap Eżekuttiv ġdid fit-tmexxija tagħha. 

Massimo Vella assuma din il-kariga l-ġdida aktar kmieni dan ix-xahar fi żmien li l-istess aġenzija ngħatat responsabiltajiet ġodda, ewlenin fosthom id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi.

Vella twieled fl-1968. Huwa gradwat b’Baċċellerat u Master fl-istudji tat-teknoloġija tal-informatika. Beda l-karriera tiegħu fis-Servizz Pubbliku fl-1989, fejn ħadem f’diversi ministeri u dipartimenti. Okkupa l-kariga ta’ Chief Information Officer għal tmien snin fejn ikkontribwixxa fi proġetti kbar bħas-simplifikazzjoni u d-diġitalizzazzjoni ta’ numru ta’ inizjattivi fis-Servizz Pubbliku.

Hu kien involut fit-tfassil ta’ numru ta’ strateġiji, fosthom Mapping Tomorrow, National Cyber Security Strategy u Tallinn Declaration.