L-ebda wieħed minn fost iż-żewġ partiti politiċi ewlenin ta’ Montenegro ma kiseb il-maġġoranza sempliċi ta’ 41 deputat fil-Parlament (ta’ 81 siġġu) biex jiggverna waħdu skont l-ewwel indikazzjonijiet mill-elezzjoni tal-Ħadd għall-Assemblea f’Podgorica.
Dan meta l-Partit Demokratiku tas-Soċjalisti (id-DPS, li hu favur il-Punent) tal-President, Milo Djuknanovic, ħareġ b’vantaġġ minimu fuq l-Alleanza għall-Futur ta’ Montenegro ( li tappoġġja lis-Serbja u lir-Russja) fl-elezzjoni.
Intant, il-partiti rivali se jeħtieġu l-appoġġ tal-partiti iżgħar biex jirrealizzaw it-tamiet rispettivi għal Gvern ta’ koalizzjoni. Dan meta l-kummissjoni elettorali ta’ Montenegro mistennija tħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni fil-jiem li ġejjin.
Meta kellem lis-sostenituri tiegħu wara l-elezzjoni, Djukonovic qal li d-DPS għadu l-aktar partit b’saħħtu fil-Parlament u li ‘dan hu rifless mhux biss minn aspett ta’ voti iżda anki f’termini ta’ mandat għat-tmexxija’.
Iżda l-Kap tal-Alleanza għall-Futur ta’ Montenegro, Zdravko Krivokapic, irribatta li ‘il-partit tiegħu għandu jitqies bħala r-rebbieħ’ u li ‘sa fl-aħħar waslet il-bidla li n-nies ilhom jistennew wara 31 sena ta’ poter assolut mid-DPS’.
Dan meta d-DPS u Djukanovic ilhom jiffaċċjaw akkużi, minn fost il-Montenegrini, dwar stil ta’ tmexxija awtokratika, kif ukoll dwar korruzzjoni u (anki) rabtiet kriminali.
//= $special ?>