Lokali Qorti

Muscat ingħata t-twissija fid-Depot; kien jaf li Theuma irrekordja l-konversazzjonijiet

Waqt l-interrogazzjoni, Yorgen Fenech kien qal li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kien jaf li Melvin Theuma kien jirrekordja konversazzjonijiet bit-telefon ċellulari tiegħu. Mhux hekk biss, meta Muscat ġie mgħajjat għall-interogazzjoni fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, huwa ngħata t-twissija.

Yorgen Fenech kien indika wkoll mal-Pulizija li tliet persuni jafu dwar il-qtil eżatt wara li ġara – it-tabib tal-familja Adrian Vella, l-assoċjat tan-negozju ta’ Fenech, Johann Cremona, u l-eks Prim Ministru Muscat. Ġie kkonfermat ukoll li kien hemm chat bejn Yorgen Fenech, Joseph Muscat u Keith Schembri.

Melvin Theuma sadanittant qal li fil-jum wara l-qtil, żar Club 22 biex ikellem lil Yorgen Fenech u hemmhekk ra lil Turab Musayev ta’ Electrogas. Id-dejta tal-lokalizzazzjoni ta’ Melvin Theuma kienet Portomaso.

Ta’ min isemmi li Yorgen Fenech kien beda l-istqarrija tiegħu billi qal li l-omiċidju ma nbedax minnu iżda minn Keith Schembri. Jien staqsejtu għaliex Melvin Theuma ma marx għand Keith Schembri direttament, u huwa wieġeb li ma kienx jafu biżżejjed.

“Theuma kien imwerwer, l-aktar bil-wegħda ta’ Kenneth Camilleri li t-tliet eżekuturi se jingħataw il-ħelsien mill-arrest u jieħdu ammont ta’ flus. Meta dan ma ġarax, Theuma spiċċa suspettuż ħafna”.

Dan ħareġ meta komplja jixhed l-Ispettur Kurt Zahra fil-kumpilazzjoni li qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello fejn Yorgen Fenech jinsab mixli li kkummissjona l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Ħafna mill-ispunti li ħarġu mix-xhieda ta’ l-Ispettur Zahra ħarġu grazzi għall-mistoqsijiet pertinenti li saru mill-Avukat Jason Azzopardi, f’isem il-familja Caruana Galizia, tweġibiet li komplew jikkonfermaw il-kobba mħabbla fil-qtil tal-ġurnalista.

Inqatlet għax kienet se tiżvela xi ħaġa

Zahra qal li kienet ikkonfermata l-ipotesi tal-Pulizija li Caruana Galizia nqatlet għal xi ħaġa li kienet għadha se tiżvela. It-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi qed tinvestiga dan u l-fatt li hija rċeviet aktar minn nofs miljun email dwar l-electrogas jikkonferma dan kollu.

Xhieda ġdida li ħarġet ukoll minn fomm l-Ispettur Zahra hija li qed bħalissa għaddejja investigazzjoni dwar tentattiv ta’ importazzjoni ta’ velenu cyanide min-naħa ta’ Yorgen Fenech.

Hawn l-Avukat Mercieca oġġezzjona u qal li “Dan mhuwa veru xejn,” Zahra ikkonferma li r-reġistrazzjonijiet juru li waqt it-talba tal-ħelsien mill-arrest tat-tliet irġiel akkużati li wettqu l-qtil, Theuma u Fenech għamlu referenza għal Schembri.

“Theuma jgħid lil Fenech biex ikellem lil Schembri. Fenech wieġeb: “Meta għidtlu, huwa spiċċa biex kesaħ.” Dan huwa suġġett għall-interpretazzjoni. “, qal ix-xhud.

Zahra tenna li Fenech qal lill-investigaturi li hu ta lil Theuma flus biex jeħles minnu. Skont ix-xhud, Fenech qatt ma qal li kien mhedded jew li ħassu b’dan il-mod qabel l-arrest tiegħu.

L-Ispettur jiddeskrivi r-relazzjoni bejn Melvin Theuma u Yorgen Fenech bħala “waħda ta’ ħbiberija”. “Hemm reġistrazzjonijiet tagħhom f’karozza ma’ xi tfal, x’aktarx ulied l-istess  Fenech. Rajta stramba li dan ir-raġel kien iħossu mhedded waqt li ltaqa ‘ma’ Theuma quddiem uliedu u membri oħra tal-familja. “

Waqt il-kontro-eżami tal-Ispettur Kurt Zahra, l-Avukat Charles Mercieca qal li jidher li l-parte civile u anke xi midja lokali għandhom aċċess għall-mowbajl ta’ Yorgen Fenech. 

Il-mara ta’ Yorgen tirċievi telefonata minn fuq il-mobajl ta’ żewġha

L-Avukat qal li nhar il-Ġimgħa fis-2.30pm, il-mara ta’ Yorgen Fenech irċeviet telefonata minn fuq il-mowbajl ta’ żewġha, li suppost qed jinżamm mill-Pulizija u jintuża anke bħala evidenza fl-inkjesta maġisterjali fuq il-qtil. Dwar dan sar rapport l-għassa u ġie infurmat l-Ispettur Arnaud.

Id-Difiża tilmenta li disa’ xhur wara li saret it-talba, hija ma ngħatatx aċċess għall-mowbajl ta’ Yorgen Fenech u għaldaqstant qalu li fetħu rikors kostituzzjonali dwar dan. jgħidu li leaks bħal dawn għandhom l-intenzjoni li jinfluwenzaw ġuri potenzjali jekk il-proċedimenti jaslu f’dak l-istadju.

L-Avukat Mercieca jgħid li b’konsegwenza ta’ dan, l-akkużat se jagħmel talba sabiex f’dik l-eventwalità, huwa jitlob li l-proċedimenti kontrih jiġu nulli peress li qegħdin jinkisru d-drittijiet tiegħu. Jitlob lill-Qorti biex tirreferi l-kwistjoni fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili biex tiddetermina jekk humiex jinkisru d-drittijiet ta’ Fenech.

Mercieca qed ikompli bit-talbiet tad-Difiża mal-verbal tal-Qorti u l-Maġistrat Rachel Montebello tgħidlu biex darb’oħra d-Difiża tuża l-proċedura xierqa, u mhux seduti bħal dawn.

Mercieca jkompli jgħid li mill-Facebook posts tal-parte civile, jiġifieri l-Avukat Jason Azzopardi, jidher li dan għandu aċċess għal “pataflun provi” li m’għandux aċċess għalihom Yorgen Fenech.

Mart Yorgen Fenech, Mari, titla’ tixhed sabiex tippreżenta r-rapport li sar għand il-Pulizija nhar il-Ġimgħa li għadda meta rċeviet telefonata min-numru ta’ Yorgen Fenech.

Wara li sabet missed call, pruvat iċċempel fuq l-istess numru iżda ma kienx f’pożizzjoni li jirrispondi. Id-Deputat AĠ jgħid li ma jistax iwieġeb sakemm ma l-Facebook posts imsemmijin jiġu preżentati.

 L-Ispettur Zahra jikkjarifika li l-esperti tal-Europol fl-Olanda biss għandhom aċċess għall-mowbajl. Il-Pulizija Maltija għandha aċċess biss għall-kopji li saru mill-mowbajl.  L-Ispettur jiċħad kompletament li l-parte civile għandhom aċċess għall-kopji tal-mowbajl.

L-Avukat Jason Azzopardi jgħid li l-parte civile għandha tliet punti x’tagħmel, li kull meta d-Difiża twaqqaf lill-parte civile milli tagħmel domandi lix-xhieda tal-Prosekuzzjoni qed tippreġudika d-dritt tal-avukati li jirrappreżentaw lill-vittma u familtha, li huwa skorrett li d-Difiża titħalla tistaqsi r-relevanza tax-xhud jew prova jew domanda tal-Prosekuzzjoni jew tal-parte civile

Kif ukoll li l-parte civile tista’ tagħmel prova dwar kwistjoni li ma tħallietx tistaqsi dwarha fl-aħħar seduta f’dan l-istadju biss. Hemm tentattivi ta’ “kampanja orkestrata kontra l-parte civile biex din tkun iċċensurata,” jgħid Azzopardi.

Id-Difiża trid twieġeb dwar dak li allega Azzopardi fil-konfront tagħha. L-Avukat Mercieca jaċċenna għal żewġ Artikoli tal-liġi biex jagħmel il-punt tiegħu, filwaqt li Dr Azzopardi jidher ixengel rasu għal li qed jgħid l-avukat. Jisħaq li kull prova għandha tkun relevanti, b’differenza għal li qal Azzopardi.

Azzopardi staqsa dwar recordings bejn Theuma u terza persuna. Il-mistoqsija hi jekk il-Pulizija tistax tikkonferma dak li qal Theuma lil din il-persuna, li Yorgen kien qed jiffitta lil Theuma biex jiffitta lill-Fulu biex ifittex iwettaq il-qtil.

 L-Avukat ta’ Yorgen Fenech, Charles Mercieca oġġezzjona u l-Maġistrat Montebello twaqqfu biex tisma’ d-domanda tal-Avukat Azzopardi. Sadanittant l-Ispettur Zahra jikkonferma li fil-bidu tal-2017, Caruana Galizia rċeviet aktar minn 600,000 email dwar l-Electrogas.

L-Avukat Jason Azzopardi staqsa wkoll jekk lill-“Ġojja” semmgħulux tappings. L-Ispettur Zahra qal li ma jafx, bil-Qorti tordnalu jiċċekkja. Lil Yorgen Fenech semmgħulu erba’ minnhom huma u jinterrogawh.

L-Ispettur qal li lil Fenech ma semmgħulux l-istqarrijiet ta’ Melvin Theuma, Johann Cremona, Kenneth Camilleri u Adrian Vella, iżda li lid-Difiża semmgħulha r-recordings kollha.

L-Avukat Azzopardi qal li meta Fenech beda jsemmi n-nies, il-Pulizija ma arrestathomx. Madankollu, meta ħarġu r-recordings il-ġodda, dawn in-nies ġew arrestati għax li qal Fenech ġie kkorroborat, sostna l-avukat.

Il-Qorti tgħid lill-Ispettur Arnaud li l-Prosekuzzjoni kellha twieġeb għat-talba tad-Difiża dwar it-talba ta’ espert fuq it-telefonija.  Arnaud qal li ma joġġezzjonax biex jinħatar dan l-espert li se jinħatar għada.

Dan l-espert għandu janalizza l-call logs bejn l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar u Edwin Brincat il-Ġojja wara li dawn jiġu preżentati mill-provdituri tas-servizz, minn Novembru tal-2019 ‘l hawn.

Talba għall-ħelsien mill-arrest

L-Avukat Charles Mercieca hawn għamel talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Yorgen Fenech fejn jargumenta li minħabba d-dewmien fil-każ, qed jinkisru d-drittijiet ta’ Yorgen Fenech li jitqies innoċenti sakemm jinstab ħati. Id-deċiżjoni dwar din it-talba mistennija tingħata għada.

L-Avukat Merceica tenna li Fenech qed joqrob lejn sena miżmum taħt arrest preventiv, u jgħid li dan mhuwiex żmien qasir. “Qed nitkellmu fuq id-dritt għal-libertà, l-aktar dritt importanti u sagrosant li għandna fil-liġi” tenna l-Avukat Difensur.

L-Avukat Difensur qal ukoll li l-maġġorparti tal-provi qegħdin għand il-Prosekuzzjoni, mhux għand id-Difiża.

l-Avukat Difensur għadu qed jargumenta għaliex għandu jinħeles mill-arrest Yorgen Fenech. Kompla jgħid li l-ħelsien ta’ Yorgen Fenech ma joħloq l-ebda diżordni pubblika, jew biża’ fost il-pubbliku.

Sostna li d-diżordni pubblika ġejja mill-korruzzjoni fl-istituzzjonijiet. Jgħid li veru dan l-assassinju poġġa lil Malta fuq il-mappa dinjija għal raġunijiet ħżiena, iżda dan mhux tort ta’ Fenech.

L-assassinju huwa riżultat ta’ nuqqasijiet istituzzjonali minn Kastilja, mill-Uffiċċju tal-AĠ u mill-Pulizija. L-Avukat Difensur qal li permezz ta’ ċerti mistoqsijiet tad-Difiża ħarġu xi affarijiet li kienu moħbija f’dan il-każ.

Yorgen Fenech m’għandu l-ebda rabta, negozju, kumpaniji barra minn Malta ħlief lukanda tal-familja fi Franza, qal l-Avukat Mercieca. Sostna li l-Prosekuzzjoni u l-parte civile jridu jġibu provi li jikkontradixxu dan jekk se jibqgħu jinsistu fuq dan.

Kompla jgħid li l-fatt li Fenech ingħata l-police bail erba’ darbiet juri li Fenech għandu “karattru li jobdi.” Id-Difiża qalet li jekk jinħeles, Fenech żgur li se jobdi l-istruzzjonijiet u jista’ jkollu sorveljanza mad-dar.

Mercieca saħaq li Fenech mhux veru li pprova jaħrab, għax hu għandu wliedu fhiex jaħseb u tenna wkoll li mhux il-hobbies jorbtu persuna ma’ pajjiż, imma l-familja, l-ulied, “li ilu ma jara 10 xhur.” Fl-aħħar sentejn ingħata l-ħelsien mill-arrest għall-istess reati tal-anqas tmien darbiet, qal Mercieca.

L-Avukat Charles Mercieca temm it-talba tiegħu billi kkwota dak li qal Yorgen Fenech fl-istqarrija li kien ta lill-Pulizija: “Jien dispjaċut u kburi li jien Malti, dan frame-up assolut.”

Fenech qed jiġi mixli wkoll li f’Malta jew barra minn Malta assoċja ruħu ma’ xi persuna jew persuni bil-għan li jwettaq delitt f’Malta, li għalih hemm piena ta’ priġunerija.

Qed jiġi akkużat  ukoll li rrenda ruħu kompliċi ma’ terzi persuni fejn dolożament permezz ta’ sustanza splussiva wettqu splużjoni li kkaġunat il-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia, u li setgħet tqiegħed f’periklu l-ħajja ta’ ħaddieħor jew tagħmel ħsara gravi lil ħwejjeġ ħaddieħor.  

L-Avukati Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca  qegħdin jidhru għal Yorgen Fenech.  Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt  Zahra bl-assistenza tad-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia. filwaqt li l-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qegħdin jidhru bħala parti ċivili f’isem il-familja Caruana Galizia.