Lokali

Nefqa ta’ €19,000 biex Herrera jkollu “bodyguard”

Il-Ministru Josè Herrera nefaq xejn inqas minn €19,000 sabiex bejn Diċembru u Jannar, fl-għeqqel tal-kriżi politika li l-Gvern Laburista kien xeħet lil pajjiżna fiha, ikollu membri tas-sigurtà personali miegħu għal xahar sħiħ.

L-aħbar kienet konfermata fl-aħħar jiem wara notifika li dehret fil-Gazzetta tal-Gvern, u li kkonfermat dan id-direct order.

Jose Herrera qabbad kumpanija tas-sigurtà privata għal protezzjoni tiegħu għal erbgħa u għoxrin siegħa sħaħ kuljum, fl-isfond tal-kriżi li ħakem il-kuriduri ta’ Kastilja u t-toroq tal-Belt Valletta, bejn is-16 ta’ Diċembru u l-15 ta’ Jannar – għal prezz ta’ €19,050 – flus mħallsa minn flus il-poplu fuq bażi ta’ direct order.

Jidher illi Josè Herrera ma kien irċieva ebda theddida diretta tul dan iż-żmien li fih in-negozjant Yorgen Fenech kien arrestat b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Iżda xorta waħda, sforz iċ-ċirkostanzi, il-Ministru għall-Arti u l-Kultura ħass li kellu jkun protett il-ħin kollu – inkluż barra r-residenza tiegħu matul il-lejl.

Tul dan il-perjodu, eluf ta’ persuni kienu qed joħonqu t-toroq tal-Kapitali b’għajta waħda għal ġustizzja u r-riżenja fost l-oħrajn ta’ Joseph Muscat…illum backbencher Laburista u konsulent tal-Prim Ministru Robert Abela…. tal-eks Chief of Staff Keith Schembri, l-eks Ministri Konrad Mizzi, u Chris Cardona kif ukoll  l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar – għajta persistenti li bla dubju ħalliet l-effetti tagħha.