Sport Sport Ieħor

Novak Djokovic jirbaħ il-35 titlu Masters

(Ritratt: ATP)


Novak Djokovic rebaħ il-35 titlu masters fil-karriera tiegħu meta fil-final tal-Western & Southern Open għeleb lil Milos Raonic 1-6, 6-3, 6-4, biex b’hekk laħaq lil Rafael Nadal li wkoll rebaħ 35 titlu masters. Din is-sena it-turnament intlagħab fi New York minflok f’Cincinnati.

Il-bidu kien wieħed diżastruż għal Djokovic li tilef l-ewwel set 1-6 f’inqas minn nofs siegħa fejn Djokovic deher li ma setax ikampa mas-service b’saħħtu tal-Kanadiż. Iżda wara dan is-set Novak Djokovic daħal fil-logħba u wara li rebaħ is-service ta’ Raonic zamm dan il-vantaġġ biex rebaħ it-tieni set 6-3.

Fit-tielet set deċiżiv Djokovic ikkonferma l-qawwa tiegħu minkejja l-problemi li kellu meta beda dan it-turnament biex rebaħ titlu ieħor u jibda bħala l-ikbar favorit meta llum jibda l-Open tal-Istati Uniti, li s-soltu jkun ir-raba’ u l-aħħar Grand Slam tas-sena, iżda li din is-sena se jkun it-tieni Grand Slam minħabba li kemm l-Open ta’ Pariġi kif ukoll it-turnament ta’ Wimbledon kienu mħassra minħabba l-pandemija.

 
Azarenka tirbaħ it-titlu tan-nisa

Intant iktar kmieni s-Sibt Victoria Azarenka rebħet it-titlui tan-nisa mingħajr ma lagħbet minuta mill-finali kontra Naomi Osaka. Dan għaliex Osaka irtirat mill-finali ftit tal-ħin qabel il-bidu tagħha minħabba problemi fil-hamstring.Osaka qalet li tittama li tkun tista’ tirkupra fil-ħin biex tieħu sehem fl-Open tal-Istati Uniti li jibda llum.