Lokali Qorti

Omm Chantelle Chetcuti tgħid li Justin kien isawwat lil bintha jekk ma tagħmilx li jrid hu

Omm Chantelle Chetcuti li sfat maqtula Ħaż-Żabbar sitt xhur ilu spjegat kif bintha għaddiet minn martirju ta’ swat u theddied minn naħa ta’ Justin Borg fejn kienet spiċċat tibża minnu u titlobha biex ma tirrapurtahx, għax huwa bniedem li jasal. Omm il-vittma qalet  li l-akkużat kien jheddidha, jgħidilha, “Agħmel li ngħidlek jien għax lit-tifla ma tarahiex iżjed.”

Kien hemm okkażjoni fejn huma kienu spiċċaw fil-Qorti l-familja, u skont omm il-vittma, l-akkużat kien hedded biex jwaqqgħu l-kawża, għax inkella “lit-tfal ma tarahomx iktar.” kien id-diskors tiegħu.

Dan ħareġ meta kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Justin Borg, li qed jiġi mixli bil-qtil tal-eks sieħba tiegħu Chantelle Chetcuti, liema omiċidju seħħ  il-Ħadd, 2 ta’ Frar li li għadda filgħaxija permezz ta’ daqqiet ta’ sikkina f’rasha, b’waħda minnhom tinfed ukoll ngħasha, u dan allegatament waqt argument f’Ħaż-Żabbar.

Justin Borg ta’ 33 sena ġie mixli b’ħames akkużi, l-aktar gravi bl-omiċidju ta’ Chantelle Chetcuti ta’ 34 sena u omm ta’ żewġt ibniet ta’ seba’ u tlettax-il sena minn Ħal Safi, liema każ seħħ fi Triq is-Santwarju għall-ħabta tat-8.00pm. barra l-Każin tal-futbol ta’ Żabbar St.Patrick’s. L-akkużat huwa missier ulied il-vittma.

Ix-xhud prinċipali kienet omm il-vittma Miriam Chetcuti li anke ippreżentat lill-Qorti bi tliet ritratti tal-ġrieħi li kellha l-vittma u li skont hi ġew ikkawżati mill-akkużat.

Hija xehedet quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello fuq siġġu tar-roti u deheret ferm eċċitata, tant li meta l-Qorti staqsietha fuq min kienet qed tixhed, qalet – ‘lanqas biss irrid insemmieh b’ismu, għax dak monstru’, qalet omm il-vittma.

Omm il-vittma qalet li hi ilha tafu minn mindu kellu 13 jew 14-il sena għax kien ħabib u jilgħab ma’ binha. Kien imur id-dar tagħhom u jaqbad mat-tifla tagħha u kien jgidilha li riedha bħala l-għarusa tiegħu.

Kompliet tgħid li meta bintha kellha 17-il sena kien ħariġha tqila. Kien feraħ ħafna, u beda jgħid li kien taqqala apposta għax iħobbha. Kien ħa pjaċir għax dak iż-żmien kienet qed tkellemġuvni ieħor.  Sar ukoll DNA u ħareġ li t-tarbija kienet tiegħu. Kien baqa’ jiġri warajha u meta ħariġha tqila kienu għexu flimkien għal erba’ snin.

F’dawn l-erba’ snin il-problemi ta’ theddid u swat ma naqsux qalet ix-xhud.  Qalet li dejjem bix-xenati u storbju għax jekk ma tagħmilx dak li jgħidilha kien jispiċċa jsawwatha. “Naf għax kont ngħix magħhom. Kont nipprova nikkalmahom, u kien jispiċċi anke jhedded lili.”

Ix-xhud kompliet tgħid li meta kienet tismagħhom jiġġieldu kienet tmur fil-kamra tagħhom u kienet tmur issiktu u tgħidlu biex jitlaq il-barra u jħalliha bi kwieta. Darba anke heżżeż lilha u qabadha minn spallejha.

Lix-xhud kien jgħidilha li ma kien  jibża minn ħadd u jgħidilha wkoll li l-Pulizija huma ħbieb tiegħu. Darba qalet l-omm kien sawwatha u ta bis-sieq meta saħansitra kienet tqila, u hi (ix-xhud) ċemplet lil ommu.

Omm il-vittma ikkonfermat ukoll meta mistoqsija, li ratu kemm il-darba jsawwatha. Kien persuna li aktar ma timbuttah lura biex tiddeffendi ruħek minnu, aktar jiffferoċja. Qalet li bintha kienet darba libset xalla għal madwar tliet ijiem u dan minħabba li kien qabadha minn għonqa u kien ta daqqa ta’ ponn f’wiċċha.

Darba oħra kienet semagħata tibki u l-omm bdiet tgħidlu biex jiftaħ il-bieb tal-kamra, u hu ma riedx jiftaħ. Missier Chantelle kien spiċċa biex ċempel id-depot u marru għalih tliet Pulizija.

Għall-ewwel Justin ma riedx jiftħilhom lill-Pulizija u lix-xhud qalulha li kienu se nisgassaw il-bieb jekk ma jidħlux u spiċċ biex fetħilhom. Dak inhar Chantelle kienet bdiet tibki u qalet lil ommha biex twaqqha l-kawża li kellha kontrih l-omm.

Dan għax bdiet qed tibża, bil-vittma tgħid lil mommha li Justin huwa bniedem li jasal u l-kawa kontra l-akkużat twaqqfet mix-xhud. Dan kollu seħħ fis-sena ta’ qabel il-qtil fej skont omm il-vittma, l-akkużat kien heddidha wkoll biex twaqqa’ l-kawża, għax inkella “lit-tfal ma tarahomx iktar.”

Tiftakar ukoll li darba kien daqqa ġo darha meta kienet id-dar tiegħu. Kienet għamlet lejl mal-art u filgħodu qalilha, mela vera weġġajt. Ħadha darbtejn il-policlinic fejn il-vittma kienet qaltilhom li kienet waqgħet it-taraġ. Kien hemm infermiera li ma emmnitix, fejn din qaltilha kif jista’ jkun? Dan l-episodju seħħ madwar seba’ snin ilu.

Omm Chantelle kompliet tgħid li meta l-koppja kienu jgħixu flimkien, l-akkużat allegatament kien jagħmel iljieli barra u filgħodu jmur id-dar fis-sakra. Sa minn tliet ijiem qabel qatilha baqa’ jiġri wara Chantelle, tifla li dejjem għexet magħha, ħlief għall-perjodu ta’ erba’ snin li marret tgħix miegħu.

Dejjem kien qed ikun wara l-bieb tax-xhud u jgħid lil bintha li jekk ma tmurx lura kien se joqtolha, fejn l-omm qalet ukoll lil anke lilha kien jgħid diskors ta’ theddid. Kien saħansitra jorqod barra id-dar fil-karozza tiegħu għax lejn l-aħħar ma kienx jitħalla jidħol.

Qalet ukoll li l-akkużat kien l-ewwel iżiegħel biha (lil bintha) u mbagħad jispiċċa jmur ma’ nisa oħra. Anke n-nies kienu jgħidulha lil Chantelle li kien qed imur ma’ ħaddieħor.

Dak inhar tad-delitt qalet l- omm Chantelle qaltilha li kienet ħierġa. Marret tilgħab il-billiard ma wieħed li kienet ltaqgħet miegħu f’xi festa. Kienet ħarġet wara nofs inhar t u qalet lil ommha li mhux se ddum peress li riedet tara xi programm fuq it-televiżjoni.

Tiftakar li kien ċempel it-telefon bejn it-8.00 u d-9.00pm  u qalulha biex tmur l-Għassa tal-Pulizija. Qabel l-omm xehed ukoll ħu l-vittma, Kersten Chetcuti li qal li lill-akkużat ilu jafu minn mindu kienu tfal.

Dejjem jiftakar li oħtu qatt ma riedet tkun ma’ Justin Borg, pero xorta dejjem kien jiġri warajha. Kien saħansitra jibkilha biex toħroġ miegħu u finalment bdew joħorġu flimkien.

Ħu Chantelle qal ukoll li kellhom relazzjoni normali, imma meta l-akkużat kien joqgħod id-dar magħhom, kien ikun hemm xi tkissir. Darba minnhom kienet anke marret omm Justin  id-dar tagħhom biex tikkalmah għax kien bniedem li malajr jiżbroffa.

Ħu Chetcuti qal li darba jiftakar li Justin Borg kien faqa’ l-ganġettata’ barra u daħal fid-dar ta’ ommu. Kien xorob ħafna, kellu wkoll l-pirmli li kien jorqod bihom ħdejh, u kellu wkoll sikkina maġenbu.

Ix-xhud qal li jiftakar li oġru u Justin għamlu żmien ukoll mhux flimkien bix-xhud jgħid li Justin qatt ma aċċetta li mhumiex qegħdin flimkien.” Ħu Chantelle qal fil-Qorti li hu kien jgħidlu li r-relazzjoni tagħhom intemmet, iżda Justin baqa’ ma jridx jaċċetta din is-sitwazzjoni.

Dakinhar li seħħ il-qtil qal ix-xhud, Justin kien ċempillu u qallu “Taf lil min edjat fuq Facebook?” Hu qabad u qatagħlu għax ma riedx ikompli jisma’. Qal li ma kienx jinteressah għal min kien qed jirreferi l-akkużat.  

Ħu l-vittma sostna li kien jgħid lill-akkużat biex jaqta’ qalbu mir-relazzjoni ta’ bejniethom. Tenna li oħtu verament kienet għamlet żmien terġa’ tipprova biex ikollha relazzjoni ma’ Justin, imma kien kollu għal xejn.

Sadanittant talba għal libertà proviżorja mid-difiża kienet miċħuda minħabba li għad baqa’ xhieda pajżana li jridu jagħtu d-depożizzjoni tagħhom fil-Qorti.

Chantelle Chetcuti kienet mietet, wara 24 siegħa tissielet għal ħajjitha, fejn għamlet ukoll xi ħin mitlufa minn sensiha fuq bankina quddiem il-każin tal-futbol ta’ Ħaż-Żabbar.

Kien għall-ħabta tat-8.15pm tal-Ħadd filgħaxija meta xi persuni daħlu fl-Għassa ta’ Ħaż-Żabbar jirrapportaw li fuq il-bankina, fi Triq il-Kbira, kien hemm mara mitlufa minn sensiha, b’daqqiet ta’ sikkina f’rasha.

Mill-investigazzjonijiet irriżulta li seħħ argument bejn mara u raġel u l-argument eskala barra fuq il-bankina. Kien hawn li r-raġel allegatament ta daqqiet ta’ sikkina lill-mara u wara kien ħarab minn fuq il-post.

Il-Pulizija marru immedjatament fil-post u ġie msejjaħ tim mediku u ħadu lill-vittma l-isptar għal aktar kura. Ir-raġel ma kienx fil-post tal-argument, iżda ftit tal-ħin wara, hu ta’ ruħu b’idejh lill-Pulizija, meta mar fil-Kwartieri Ġenerali il-Floriana, mimli dmija u anke kellu xi feriti f’idu.

L-Ispetturi Kurt Zahra mill-Iskwadra tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u Joanna Piscopo tad-Disrett qed jixlu wkoll lil Borg, li waqt il-kummissjoni tar-reat kien fil-pusses ta’ arma irregolari, f’dan il-każ sikkina, li kellu fil-pusses tiegħu mingħajr liċenzja, li kellu fil-pusses tiegħu d-droga kokaina u li kiser il-paċi pubblika. Għall-akkużat qegħdin jidhru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.