Futbol Sport

“Preparajna bl-aħjar mod, minkejja s-sitwazzjoni preżenti” – Devis Mangia, kowċ tat-tim nazzjonali Malti

F’konferenza tal-aħbarijiet ftit jiem qabel l-impenn doppju tat-tim Nazzjonali Malti mill-UEFA Nations League kontra l-Gżejjer Faroe u l-Latvja, il-kowċ tat-tim nazzjonali Malti Devis Mangia qal li t-tim Malti prepeara bl-aħjar mod li seta’ minkejja s-sitwazzjoni preżenti b’rabta mal-pandemija tal-coronavirus.

Mangia qal li fiż-żewġ pajjiżi li se nilgħabu kontrijhom il-kampjonat diġa beda u dan jagħtihom vantaġġ fuq il-plejers Maltin li ħlief għal plejers ta’ Valletta, Hibernians u Floriana li lagħbu fil-kompetizzjonijiet Ewropej il-bqija tal-plejers ilhom ma’ jilgħabu logħob kompetittiv sa minn Marzu li għadda.

Dwar il-plejers Enrico Pepe u Teddy Teuma li fl-aħħar jiem ingħataw iċ-ċittadinanza Maltija, Mangia qal li fil-fehma tiegħu ż-żewġ plejers se jkunu ta’ għajnuna għat-tim kollu.

Mangia tkellem ukoll dwar iż-żagħżagħ ġodda fit-tim u qal li jinsabu mal-iskwadra għaliex urew li jridu jkunu parti mit-tim permezz tal-prestazzjonijiet tagħhom. It-tim Nazzjonali Malti jilgħab barra minn daru kontra l-Gżejjer Faroe nhar il-Ħamis filwaqt li jospita’ lil Latvja fl-Istadium Nazzjonali nhar il-Ħadd.