Lokali

Sfruttament bil-barka tal-Gvern – PN

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar ħabbret, permezz ta’ intervista fuq The Malta Independent on Sunday, u mhux permezz ta’ stqarrija uffiċjali, li l-Kumitat Tekniku fuq ir-Riforma fil-Prostituzzjoni se jkun qed jiffinalizza r-rapport tiegħu biex jgħaddih lil Kabinett wara li l-konsultazzjoni għalqet.

Fi stqarrija, il-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja b’Saħħitha, Solidarjetà Soċjali, Pensjonijiet Adegwati u Sostenibbli u Drittijiet tat-Tfal  David Agius u l- Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza Vera u Sħiħa Claudette Buttigiegt stqarrew li din hija prova ċara ta’ dak li saħħqet l-Oppożizzjoni dwar din il-materja: din kienet konsultazzjoni farsa magħmula mill-Gvern Laburista biex sempliċement joħloq paraventu biex f’pajjiżna l-prostituzzjoni ssir attivita’ li minnha issa n-nisa jistgħu jibdew jiġu sfruttati uffiċjalment, bil-barka tal-Gvern.

F’dan l-istadju, fejn jidher bl-iktar mod ċar li s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar se tibqa’ tinjora l-ikbar koalizzjoni ta’ organiżazzjonijiet tan-nisa f’pajjiżna u timxi fuq aġenda intiża biss biex tpaxxi lil min irid jisfrutta lin-nisa, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tappella għall-buon sens tal-Ministru Edward Zammit Lewis biex iwaqqaf dan il-proċess u jagħti widen lil min tassew għandu għal qalbu d-dinjita’ tal-mara.