Lokali

Spiża ta’ aktar minn miljun ewro fix-xahar

Il-Gvern se jkun qed iħallas €33,500 kuljum, jiġifieri aktar minn €1 miljun fix-xahar, għall-kiri ta’ bastiment li se jkun qed jospita l-immigranti barra mill-kosta Maltija…minħabba l-pandemija tal-Covid-19

F’Mejju, deċiżjoni simili diga’ swiet lill-poplu Malti 1.7 miljun ewro.. għalkemm l-Prim Ministru stqarr li dan kien pass neċessarju.

Minkejja il-kritika għal din id-deċiżjoni…issa Robert Abela se jkun qed jirrepeti din id-deċiżjoni.

Skont rapporti fis-sit elettroniku TheShiftNews, il-Gvern aċċetta li jikri l-bastiment Ċiprijott MV Galaxy; vapur li attwalment qed jopera bejn il-port ta’ Brindisi fin-nofsinhar tal-Italja u Vlore fl-Albanija.

Għadu mhux magħruf il-post eżatt fejn dan il-bastiment… li hu twil 127 metru, u li jista’ jilqa’ fih aktar minn 350 passiġġier…. se jkun qed jankra waqt li jkun qed iservi bħala faċilita’ ta’ detenzjoni ‘l barra mill-kosta Maltija.

L-MV Galaxy hu mifhum li ser ikun f’pajjiżna f’temp ta’ ħamest’ijiem wara li l-kuntratt ikun ffirmat. Skont TheShift, l-aġenti tal-vapur huma tal-bastiment Walmar Marine Limited.


Il-bastiment irid jkun mgħammar bl-affarijiet essenzjali kollha, mill-ikel sa rekwiżiti mediċi, u jinkludi ekwipaġġ barrani li jieħu ħsieb ukoll l-arranġamenti ta’ sigurtà.

Il-miljun ewro fix-xaha ma jkoprux spejjeż ta’ fjuwil li jkun meħtieġa jekk jiġi ordnat li l-vapur ibiddel il-post li jkun ankrat fih.

Għadu mhux magħruf liema immigranti se jiġu trasferiti fuq il-bastiment u għal kemm żmien se jinżammu abbord – dan ifisser li l-ispejjeż jafu jiżdiedu.

Id-deċiżjoni tal-Prim Ministru hija mmirata biex inaqqas ir-rabja tan-nies minħabba s-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni u l-kwistjoni tal-Covid-19. Dan minħabba li ġimgħat biss wara li Abela ddikjara li Malta “kienet rebħet il-gwerra” fuq il-pandemija u li ma  hemm l-ebda mewġa, il-Prim Ministru poġġa’ lil pajjiżna bit-tieni l-ogħla rata ta’ infezzjoni fl-Ewropa għal kull 100,000 persuna.