Internazzjonali

Tensjoni ġdida bejn l-Indja u ċ-Ċina…

L-Indja akkużat liċ-Ċina b’li abbużat il-konsensus tal-fruntiera li ż-żewġ pajjiżi kienu laħqu waqt l-aħħar taħditiet għall-paċi.

Kelliema għall-Gvern Indjan qalu li t-truppi Ċiniżi wettqu ‘movimenti militari provokattivi’ bil-ħsieb li jibdlu l-istatus quo fl-inħawi ta’ Ladakh.

It-tensjoni bejn l-Istati ġirien tidher li żbruffat mill-ġdid wara li, f’Ġunju, talanqas 20 suldati Indjani kienu tilfu ħajjithom waqt konfronti ma’ truppi Ċiniżi fir-reġjun.

Intant, iċ-Ċina ma qalitx jekk tilfitx hi ukoll is-suldati f’dawk il-konfronti u meta hi u l-Indja qegħdin jakkużaw lil xulxin dwar ‘id-delineazzjoni ħażina tal-fruntiera’ kif ukoll ‘għall-kaġun tal-konfronti qattiela’.

Iċ-Ċina, fl-istess ħin, qed tiċħad li għandha ħsieb biex tikkaġuna l-inkwiet b’li tabbuża l-ftehim dwar il-fruntiera. Kelliema f’Beijing qalu li s-suldati Ċiniżi dejjem osservaw il-Linja tal-Kontroll ( mal-fruntiera) u qatt ma infiltraw għall-artijiet amministrati mill-Indja.

Ingħad ukoll li s-suldati taż-żewġ pajjiżi li huma nkarigati mill-ħarsien tal-fruntiera qegħdin jikkomunikaw ma’ xulxin dwar issues territorjali.

Madankollu, l-Indja qed tgħid li l-militar tagħha, matul il-lejl tas-Sibt, ħa ‘passi minn qabel’ biex iwaqqaf  l-attività tas-suldati Ċiniżi qrib ix-xatt tax-Xmara Pangong Tso, lejn in-nofsinar.

Il-Gvern Indjan enfasizza li l-miżuri li ttieħdu saħħew il-pożizzjonijiet tal-militar tiegħu ‘minbarra li ġabu fix-xejn l-intenzjonijiet taċ-Ċiniżi biex jibdlu s-sitwazzjoni f’dik iz-zona tal-fruntiera b’mod unilaterali’.

L-Indja, fl-aħħar sigħat,għamlitha ċara li hi impenjata għal taħditiet ta’ paċi maċ-Ċina iżda ma trid tħalli l-ebda dubju li hi daqstant ieħor impenjata biex tipproteġi l-integrità territorjali tagħha.

Fl-istess ħin, l-analisti jaqblu li stqarrija ‘daqshekk pubblika u determinata’ min-naħa tal-Indja tissuġġerixxi li nkisret il-paċi relattiva fl-artijiet tal-fruntiera maċ-Ċina.