Futbol Sport

Van de Beek viċin ħafna li jissieħeb ma’ Manchester United

Il-midfielder Olandiż, Donny van de Beek huwa pass ‘il bogħod milli jissieħeb ma’ Manchester United wara li fl-aħħar sigħat kien qiegħed għaddej bit-testijiet mediċi fl-Olanda.

Dan wara li Manchester United laħqu ftehim ma’ Ajax dawr is-somma ta’ 40 miljun lira sterlina bil-plejer mistenni jiffirma fil-jiem li ġejjin waqt li jinsab mat-tim nazzjonali Olandiż għall-partiti mill-UEFA Nations League.

Van de Beek li għandu 23 sena kien strumentali fl-istaġun 2018/19 meta Ajax waslu sas-semifinali tal-UEFA Champions League. Minkejja l-interess minn Real Madrid qabel il-pandemija tal-coronavirus, jidher li issa huma Manchester United li se jakkwistaw lil dan il-plejer.