Lokali Qorti

Il-Qorti Ewropea tikkonferma li inkisru d-drittijiet f’każ ta’ kera

Ir-regolamenti dwar il-Kontroll tal-Kera kienu interferenza fuq id-drittijiet tagħhom li jużaw il-proprjetà

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ordnat li jingħataw  €37,500 f’danni u spejjeż f’każ li nfetaħ mill-Maltin u persuni oħra fuq propjetà wara li ġiet revokata sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali mogħtija fit-13 ta’ April 2018.

L-istess Qorti Kostituzzjonali Maltija kienet irrevokat sentenza tal-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha fejn l-imsemmija Qorti Kostituzzjonali kkunsidrat li l-applikanti ma kinux ipprovaw li ma kellhom l-ebda għażla oħra ħlief li jikru l-propjetà tagħhom.

Filwaqt li ammettiet li kien hemm il-possibbiltà ta’ rekwiżizzjoni l-Qorti Kostituzzjonali kienet ddekretat li l-applikant Montanaro ma weriex li hemm probabbiltà li dan iseħħ.

Ġie nnotat li l-applikanti kienu konxji tal-liġi fiż-żmien meta ddeċidew li jikru l-proprjetà u madankollu ma kinux talbu kera ogħla jew xi kundizzjonijiet oħra aktar favorevoli li setgħu jipprevjenu riżultat sproporzjonat.

Kienu għalhekk li l-applikanti Montanaro fetħu każ kontra r-Repubblika ta’ Malta fejn kienu ilmentaw li t-Taqsima 12 tal-Kapitolu 158 tal-Liġijiet ta ’Malta tat lill-inkwilini d-dritt li jżommu l-pussess tal-fond taħt kera imposta fuq is-sidien f’relazzjoni ta’ kera unilaterali għal żmien indeterminat mingħajr ma jirriflettu kera ġusta u adegwata li dan ifisser il-ksur tal-Artikolu. 1 tal-Protokoll numru 1 tal-Konvenzjoni Ewropea.

Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li s-sidien ma setgħux raġonevolment ikollhom idea ċara tal-firxa tal-inflazzjoni fil-prezzijiet tal-proprjetà fid-deċennji li ġejjin u d-deċiżjonijiet tal-Qrati domestiċi rigward it-talbiet tagħhom li jikkontestaw liġijiet bħal dawn ikkostitwew interferenza mat-talba tal-applikanti.

Kien ukoll ikkunsidrat li r-regolamenti dwar il-Kontroll tal-Kera kkostitwixxew interferenza fid-drittijiet tagħhom li jużaw il-proprjetà tagħhom.

Irriżulta li l-kera riċevuta kienet sproporzjonatament baxxa u kkonkludiet li l-applikanti Montanaro sofrew piż individwali eċċessiv mill-2006 sa Ġunju 2019 u għalhekk inkisru l-Artikolu 1 tal-Protokoll 1 tal-Konvenzjoni Ewropea. Fiċ-ċirkostanzi l-Qorti tat € 24,000 f’dannu morali, € 2,500 f’dannu morali u € 11,000 spejjeż oħra relatati.