Internazzjonali

Arabja Sawdija: Jitkeċċew uffiċjali, fosthom membri tal-Familja Rjali

Numru ta’ uffiċjali li jinkludu żewġ membri tal-Familja Rjali tal-Arabja Sawdija tkeċċew mill-karigi tagħhom. L-irġiel inkwistjoni, flimkien ma’ erba’ uffiċjali oħra, qegħdin jiffaċċjaw investigazzjoni dwar ‘attività finanzjarja suspettuża’ b’relazzjoni mal-Ministeru tad-Difiża Sawdi.

Digriet irjali li ħareġ f’Riyadh ikkonferma li r-Re Salman tal-Arabja Sawdija neħħa lill-Prinċep Fahad bin Turki minn Kmandat tal-qawwiet konġunti tal-koalizzjoni militari ( taħt it-tmexxija tas-Sawdi) fil-Jemen. Intant, iben il-Prinċep Fahad – Abdulaziz bin Fahad – mhux qed jokkupa aktar il-kariga ta’ viċi-gvernatur.

Il-Prinċep Sawdi Mohammed bin Salman – iben ir-Re Salman u kunsidrat bħala ‘il-mexxej proprju tal-Arabja Sawdija’ – ilu protagonista ta’ kampanja kontra allegata korruzzjoni fi ħdan il-Gvern Sawdi.

Madankollu, il-kritiċi qed jgħidu li d-diversi arresti ta’ profil għoli li saru fuq l-inizjattiva tal-Prinċep bin Salman kellhom l-iskop speċifiku ‘li jitwarrbu l-ostakli  għall-poter assolut ta’ bin Salman’ fil-pajjiż.

Aktar kmieni fis-sena kien hemm rapporti dwar l-arrest ta’ tliet membri ewlenin tal-Familja Rjali Sawdi – b’dawn jinkludu l-Prinċep Ahmed bin Abdulaziz ( ħu r-Re Salman) u l-eks prinċep Mohammed bin Nayef.

L-aktar inċident ta’ profil għoli kien seħħ fl-2017 meta għexieren ta’ personalitajiet irjali, ministri u negozjanti kienu nżammu taħt arrest fil-lukanda Ritz-Carlton, f’Riyadh. Ħafna minn dawn kienu nħelsu, iżda mhux qabel huma kien laħqu ftehim ekwivalenti għal total ta’ 80 biljun ewro mal-Istat Sawdi.