Edukazzjoni Lokali

Ebda pjan konkret mill-Ministru tal-Edukazzjoni

Min hu vulnerabbli qed imur ix-xogħol u qed jieħu l-prekawzjoni kollha”

Dan sostnieh il-Ministru Owen Bonnici biex jiggustifika l-ftuħ tal-iskejjel f’Settembru li ġej…akkost ta’ kollox.

Dikjarazzjoni li saret fuq TVM, fejn tenna li la n-nies vulnerabbli adulti qed joħorqu u jmorru l-quddies, mela l-iskejjel iridu jiftħu.

“L-adulti li semmejt int imorru għax-xogħol… imorru jixtru, wara jmorru l-quddies….”

Madanakollu l-Ministru ftit li xejn għamel referenza fuq it-tfal vulnerabbli, u kif se jkunu mħarsa f’dan il-mument tant kritiku.

Tul l-intervista, Owen Bonnici…. għal darba darbtejn…. saħaq li rridu nkunu “realistiċi”, iżda ma preżenta ebda pjan konkret biex iserraħ ras l-għalliema, l-istudenti u l-ġenituri.

“Ejja nkunu realistiċi… ejja nkunu ftit realistiċi”

Intant Net News tkellem mal-President tal-MUT Marco Bonnici, illi spjegalna aktar dwar dak li ġie diskuss sa issa u appella biex il-protokoll ikun jista’ jitwettaq fl-iskejjel kollha.

“Dak il-protokoll irid ikun imħaddem 100% f’kull skola, jekk dan mhux se jkun assigurat mill-Ministeru, mela ma jistgħux jinfetħu l-iskejjel bi protokoll li mhux qed jitħaddem, u din kruċjali l-iskejjel kollha jridu jkunu lesti”.

Marco Bonnici qal li huwa kruċjali li f’dan il-mument il-ġenituri u l-edukaturi jingħataw informazzjoni korretta.

“Hawn talba ġustifikata għall-informazzjoni, u dik hija xi ħaġa li hija essenzjali li kulħadd ikun jaf dak li jkun qed jiġri… Huwa tajjeb li l-informazzjoni tkun korretta u kemm jista’ jkun tinħareġ malajr”.

Il-President tal-Union tal-Għalliema tenna li dawn il-ġimgħat li ġejjin huma kruċjali biex huma jfasslu l-pożizzjoni tal-MUT dwar l-iskejjel, li għandhom jiftħu fi tmiem dan ix-xahar.