Lokali Qorti

Id-difiża ta’ Yorgen Fenech tattakka l-mod kif saru l-investigazzjonijiet

Id-difiża ta’ Yorgen Fenech attakkat il-kreddibilità ta’ kif saru l-investigazzjonijiet b’rabta mal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizija. L-Avukat Charles Mercieca li flimkien mal-Avukati Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran qed jiddefendi lil Yorgen Fenech, li jinsab mixli li kkummissjona l-qtil qal li l-investigazzjonijiet mhux biss staġnaw imma lanqas biss qegħdin isiru. Qal ukoll li l-Prosekuzzjoni ħbiet ukoll ċertu dettalji tal-każ.

Dan ħareġ meta quddiem l-Imħallef Lawrence Mintoff  kompliet il-kawża kostituzzjonali li Yorgen Fenech qed jagħmel kontra l-Ispettur Keith Arnaud biex dan jitneħħa mit-tim tal-investigazzjonijiet fil-konfront tiegħu.

Fil-bidu tas-seduta l-Qorti qalet li jkun xi jkun l-eżitu anke fid-dawl tal-fatt li d-difiża ma ppreżentatx ir-risposta fin-nota li kellha tagħmel, is-sentenza se tingħata fit-23 ta’ Settembru li ġej kif previst.

Dwar dan id-difiża qalet li fil-każ kuljum qed tiġri xi ħaġa ġdida u kien għalhekk li ma ġietx preżentata nota. L-Avukat Mercieca qal li l-istaġnar f’dan il-każ ilu mill-20 ta’ Novembru li għadda, u ċertu provi huma indispensabbli għad-difiża.

L-Avukat tal-Istat Victoria Buttigieg qalet li l-investigazzjoni fil-każ ta’ Yorgen Fenech tibqa’ għaddejja u ma jistax ikun li dan il-każ jibqa’ jistenna. Il-Qorti hawn qalet li l-kawża se tkompli fid-9 ta’ Settembru li ġej.

L-Avukat Marion Camilleri fakkret kif id-dettalji dwar dak li ħareġ mill-investiazzjoni fil-konfront tat-tabib Adrian Vella, t-tabib ta’ Yorgen Fenech għadha ma ngħatatxlilhom. 

L-Imħallef reġa’ fakkar li sakemm ma joħroġx rikors biex aktar provi jinstemgħu f’din il-kawża, d-deċiżjoni se tingħata fit-23 ta’ Settembru. Hu ta jumejn ċans lid-difiża biex tifformola dan ir-rikors u l-istess perjodu lill-Prosekuzzjoni.

L-Avukat Marion Camilleri saħqet li numru ta’ dikjarazzjonijiet ma ngħatawx mill-investigazzjoni lilhom u saru jafu biss b’ċertu relevanza wara li ngħata xhieda fil-Qorti.

L-Avukat tal-Istat Buttigieg  saħqet li d-deċiżjoni ma tistax iddum ma tingħata għax inkella ma tispiċċa qatt. Hi saħqet li l-Qorti għandha l-provi kollha u tista’ tieħu deċiżjoni għaliex provi oħra f’dan l-istadju huma rrelevanti.

Qalet li l-Avukati ta’ Yorgen Fenech qed jippruvaw jieħdu vantaġġ mis-sitwazzjoni. L-Imħallef saħaq li huwa ġust li jisma’ dak kollu li qed joħroġ minn kawżi oħra biex ikun sema’ ż-żewġ partijiet speċjalment meta hemm provi li jistgħu jkunu relevanti.  

L-Avukat Mercieca saħaq li m’għandiex tingħata deċiżjoni issa wara li ħarġu dettalji ġodda minn investigazzjonijiet li suppost għadhom għaddejjin. Hu staqsa jekk l-investigazzjoni hijiex staġnata u staqsa jekk l-investigazzjonijiet li suppost isiru hux qed isiru.

L-Avukat Marion Camilleri saħqet fuq l-importanza tax-xhieda ta’ Melvin Theuma u l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar. Mill-ġdid issemmew il-mod ta’ kif qed jiżvilluppaw kawżi oħra marbuta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Camilleri saħqet li ħafna minn dawn l-iżviluppi seħħew fl-aħħar xhur, konsiderazzjonijiet serji li għandhom jittieħdu qabel tingħata deċiżjoni f’din il-kawża.

L-Avukat Buttigieg qalet li numru ta’ affarijiet qed jinstemgħu wara bibien magħluqa u ma jistgħux joħorġu fil-beraħ mid-deċiżjoni li tingħata f’din il-kawża kostituzzjonali. Hi saħqet li s-sottomissjoniet tal-Istat saru diġa.

L-Avukat Mercieca li qed jidher għal Yorgen Fenech saħaq li x-xhieda tal-eks Kummissarju, tal-Ispettur Keith Arnaud u Keith Schembri fil-fhema tagħhom għandhom jiġu ammessi f’din il-kawża għaliex huma relevanti. Hu semma kif l-iżviluppi qed joħorġu minn ġimgħa għal ġimgħa.

L-Avukat saħaq li dan il-każ m’għandux jieħu wisq żmien biex tittieħed deċiżjoni għaliex qed jinħoloq żbilanċ ma kull ġurnata li tgħaddi hekk ki proċeduri oħrajn għadhom qed jinstemgħu fil-konfront ta’ Yorgen Fenech.

Mercieca semma’ kif d-deċiżjoni fil-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech għadha ma ngħatatx u għalhekk Yorgen Fenech ma jistax jipprepara d-difiża tiegħu kif jixtieq.

Yorgen Fenech qed jallega li l-Ispettur Keith Arnaud kellu rabtiet fil-qrib ma’ Keith Schembri, eks chief of staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Huwa ddeskriva l-investigazzjoni fuq ir-rwol ta’ Keith Schembri fl-assasinju ta’ Caruana Galizia bħala waħda traskurata, approssimattiva, jekk mhux dilettanteska.

L-Imħallef Lawrence Mintoff qed jisma’ l-proċeduri Kostituzzjonali li ddeskriva l-kawża bħala waħda ‘taħraq’. L-Avukati Marion Camilleri, Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca qed jidhru għal Fenech, filwaqt li l-Avukat tal-Istat Victoria Buttigieg, mgħejjuna mill-Avukat Maurizio Cordina qed imexxu l-Prosekuzzjoni.

Fis-sentenza tiegħu l-Imħallef Lawrence Mintoff se jiddeċiedi jekk l-Ispettur Keith Arnaud għandux jibqa’ fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

F’Diċembru n-negozjant Yorgen Fenech kien fetaħ kaz kostituzzjonali għax ma ridx lill-ispettur Arnaud jinvestigah u kien għamel numru ta’ allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu.