Lokali

Id-Dwana twaqqaf 49 kontejner b’eluf ta’ oġġetti foloz

Fl-ewwel tminn xhur ta’ din is-sena, id-Dwana Maltija interċettat, bl-għajnuna tal-apparat sofistikat li għandha fil-Freeport, 49 kontejner tal-40 pied mimlija prodotti kontrafatti, li lkoll kienu qed jiġu trasbordati minn Malta. Sa issa, minn dawn il-kontejners kollha, id-Dwana ħattet u ikkatalgat 23 kontejner, li fihom irrizulta li kien hemm:

  • 159,779 par żarbun sportiv;
  • 6,910 pari żraben normali;
  • 46,032 bott deoderant;
  • 25,783 libsa;
  • 9,750 biċċa ħwejjeġ ta’ taħt;
  • 16,500 beritta;
  • 1,828 basktijiet tan-nisa; u
  • 1,796 apparat tal-awdjo.

Is-26 kontejner l-oħra se jkunu qed jinħattu fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-valur tal-prodotti hawn fuq imsemmija, li kieku intefgħu fis-suq, ilaħħaq €17.3 miljun.

Minbarra dawn id-49 każ, id-Dwana Maltija interċettat ukoll 74 każ ieħor ta’ attentat ta’ importazzjoni ta’ prodotti foloz, maħsuba għas-suq domestiku. Il-maġġoranza ta’ dawn il-każi kienu ta importazzjonijiet permezz ta’ pakketti bil-posta u l-courier. Fost il-prodotti interċettati kien hemm:

  • 1,200 maskri tal-wiċċ;
  • 204 libsa;
  • 17-il baskett tan-nisa;
  • 7 żraben;
  • Telefon ċellulari;
  • Arloġġ;
  • Aċċessorji tal-arloġġi; u
  • Aċċessorji tal-karozzi;

Fil-każi kollha qed tittieħed azzjoni legali.