Sport Sport Ieħor

Il-fjamma Olimpika poġġuta għall-wiri tal-pubbliku f’mużew ġewwa Tokjo

Il-Kumitat Organizattiv tal-Olimpijadi ta’ Tokjo 2020 f’ċerimonja simbolika fil-Mużew tal-Kumitat Olimpiku Ġappuniż, poġġa għall-wiri tal-pubbliku l-fjamma Olimpika. Din se tibqa’ għall-wiri sal-1 ta’ Novembru.

Preżenti l-President tal-Kumitat Organizattiv Yoshiro Mori li għamel aċċenn dwar l-irwol tal-pubbliku fejn madwar 10,000 persuna ser iġorru l-fjamma f’kull parti tal-Ġappun sakemm it-torċa Olimpika tasal Tokjo fil-ftuħ tal-Olimpijadi f’Lulju 2021. Il-fjamma Olimpika se tgħaddi wkoll mill-bliet milquta mit-terrimont li kien ħakem lill-Ġappun fl-2011 b’rikonixximent għal dawk li matul dawn is-snin ħadmu biex il-ħajja tirritorna għan-normal.

Yasuhiro Yamashita, President tal-Kumitat Olimpiku tal-Ġappun bħala eks atleta u champion Olimpiku fil-judo tkellem dwar l-irwol tal-atleti u d-diżappunt tagħhom li wara snin ta’ preparazzjoni ma kienx possibbli li l-Olimpijadi jsiru din is-sena minħabba l-imxija tal-coronavirus madwar id-dinja.