Internazzjonali Knisja Lokali

Il-Vatikan se jipposponi l-vjaġġi tal-Papa għall-2022

Jidher li l-vjaġġi u ż-żjarat kollha tal-Papa Franġisku ġew posposti għas-sena 2022. Dan sakemm ikun hawn vaċċin disponibbli kontra l-coronavirus.

L-aħħar vjaġġ tiegħu fl-Italja kien f’Bari fit-23 ta’ Frar li għadda, filwaqt li l-aħħar vjaġġ internazzjonali seħħ fit-Tajlandja u l-Ġappun mid-19 sas-26 ta’ Novembru 2019.

Għalekk jidher li l-Maltin iridu jistennew sas-sena 2022 sabiex il-Papa Franġisku jagħmel iż-żjara tiegħu f’pajjiżna, żjara li suppost kellha ssir fl-aħħar ta’ Mejju li għadda.

Din iż-żjara kienet tħabbret fl-10 ta’ Frar mill-President ta’ Malta George Vella meta qara messaġġ waqt il-Pontifikal ta’ San Pawl.

Iżda fit-23 ta’ Marzu, il-Kurja kienet ħabbret li din kienet se tiġi posposta minħabba t-tixrid tal-COVID-19.

Għalhekk kollox qed jindika li għax-xhur li ġejjin, ċertament għall-2020 kollha iżda bil-probabbiltà wkoll għall-2021 kollha, il-Vatikan m’hu qed jippjana ebda vjaġġ internazzjonali għall-Papa Franġisku.

L-appuntament doppju ddedikat għall-familji u ż-żgħażagħ, f’Ruma fl-2021 u f’Lisbona fl-2022, ġie pospost għall-2022 u l-2023, dejjem jekk il-pandemija tal-COVID-19 tkun għaddiet. Jekk ma jinstabx vaċċin fi żmien qasir, f’Novembru 2021 se jkunu għaddew sentejn mill-aħħar vjaġġ internazzjonali tal-Papa Franġisku. Waqfa daqshekk twila kienet seħħet biss bejn il-pontifikali ta’ Papa Pawlu VI u Papa Ġwanni Pawlu.