Lokali

L-ALPA tibda proċeduri ġudizzjarji kontra l-Gvern

Il-Union tal-Bdoti (ALPA) ressqet proċeduri ġudizzjarji kontra l-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru Silvio Schembri u l-Ministru Julia Farrugia, sabiex dawn jissodisfaw l-obbligi kuntrattwali li kien daħal għalihom il-Gvern permezz ta’ Ftehim iffirmat mill-ex-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi, fis-26 ta’ Jannar, 2018.

L-ALPA qalet li permezz ta’ dan il-ftehim, il-Gvern kien ipprovda garanziji relatati max-xogħol lill-membri tal-Assoċjazzjoni, kif ukoll garanzija li l-kundizzjonijiet tal-impjieg li jinsabu fil-Ftehim Kollettiv bħalissa fis-seħħ bejn l-ALPA u l-Air Malta li għandhom ikunu salvagwardjata sal-iffirmar ta’ Ftehim Kollettiv ġdid. Fi stqarrija, l-ALPA saħqet li minkejja dan, l-impjieg ta’ 69 mill-membri tagħha tkeċċew b’mod inġust fit-8 ta’ Ġunju, 2020.

Il-union saħqet li minkejja li sejħet għal diskusjoni formali, il-Gvern baqa’ jinjora u kompletament ħarab milli jiltaqa’ mal-bdoti tal-linja nazzjonali. L-ALPA qalet li matul in-negozjati mal-Air Malta, membri għolja fil-kumpanija tal-ajru ripetutament għamluha ċara li l-Gvern kien lest jilħaq ftehim mal-bdoti biss jekk huma joħorġu mill-Ftehim Kollettiv. Huma saħqu li l-Gvern uża din bħala tattika li tmur kontra l-valuri Ewropej u demokratiċi.

Finalment, l-istqarrija tal-ALPA qalet li l-Gvern huwa konxju tal-fatt li huma b’mod persistenti għamlu minn kollox biex jikkontribwixxi għat-tkabbir tas-settur tal-avjazzjoni lokali. Huma temmew jgħidu li huwa għalhekk, li rregolaritajiet bħal dawn jeħtieġu azzjoni diretta kontra Robert Abela, Silvio Schembri u Julia Farrugia sabiex id-drittijiet legali u kuntrattwali tal-membri tal-union ikunu rispettati.