Internazzjonali

Tgħid li l-eroj fil-massakri tar-Rwanda kien spiċċa’ maħtuf fid-Dubaj’

It-tifla ta’ Paul Rusesabagina, ir-raġel ta’ nisel Hutu u l-ispirazzjoni wara l-famuż film ta’ Hollywood, ‘Hotel Rwanda’ ( li jitratta l-ġenoċidju tal-1994 f’dak il-pajjiż Afrikan), qed tappella għall-għajnuna biex hu jingħata mill-ġdid il-libertà.

L-appell ta’ Anaise Kanimba qed isir wara li missierha spiċċa arrestat fuq allegazzjoni li kien involut sew ma’ ‘movimenti terroristiċi’ — b’din il-mara qed tiċħad kategorikament ‘għal dawn l-allegazzjonijiet foloz’.

Kanimba temmen li missierha kien inħataf minn persuni fid-Dubaj li ħaduh lura lejn ir-Rwanda. Dan meta Paul Rusesabagina hu magħruf bħala kritiku kbir tal-President tar-Rwanda, Paul Kagame — bit-tifla tiegħu qed tenfasizza mill-ġdid li missierha ‘kiseb fama internazzjonali bħala protagonista favur id-drittijiet umani’.

Hi kompliet li l-aħħar darba li l-familja tagħha kellha l-kuntatti ma’ missierha kienet ftit wara li hu siefer lejn id-Dubaj kważi ġimgħa ilu. Magħruf ukoll li Paul Rusesabagina kien qed jgħix f’eżilju u li huwa residenti fl-Istati Uniti minbarra li għandu ċittadinanza Belġjana.

Sadanittant, Anaise Kanimba qed tkompli tinsisti li l-akkużi kontra missierha huma għal kollox bla bażi.

Rusesabagina sar magħruf madwar id-dinja wara li ‘Hotel Rwanda’ iddettalja l-isforzi tiegħu biex isalva l-mijiet ta’ ċittadini Tutsi fil-lukanda tiegħu li kienu f’periklu li jispiċċaw massakrati taħt idejn l-estremisti tal-Hutu waqt l-agħar tal-ġenoċidju tal-1994 fir-Rwanda.

Fil-bidu tal-ġimgħa, Rusesabagina — li spiċċa arrestat taħt mandat ta’ arrest internazzjonali — kien deher waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-awtoritajiet tar-Rwanda f’Kigali. Madankollu ma ngħatawx dettalji dwar l-akkużi speċifiċi li hu jrid jiffaċċja ‘il quddiem.