Lokali

L-NGOs jitolbu investigazzjoni fil-kunflitt ta’ interess taċ-Chairperson tal-EPRT

L-Awtorita' tal-Ippjanar
Martin Saliba ma kienx la imparzjali u lanqas indipendenti

Grupp ta’ NGOs qed jitolbu biex issir investigazzjoni sħiħa dwar il-prattiki li wasslu sabiex impjegat tal-Awtorità tal-Ippjanar jiġi maħtur bħala l-kap tat-Tribunal tal-Appelli għall-Ambjent u l-Ippjanar (l-EPRT). Nhar il-Ħadd, 30 ta’ Awwissu, is-Sunday Times żvelat kif Martin Saliba, li fil-passat kien jokkupa l-kariga ta’ chairperson tal-EPRT, kien għadu elenkat bħala impjegat mal-Awtorità tal-Ippjanar. Dan iwassal għal kunflitt ta’ interess sfaċċat u bla preċedent.

Kelliem għall-NGOs qal li waqt li s-Sur Saliba kien qed jaqta’ s-sentenzi dwar mijiet ta’ appelli, inkluż dawk tal-proġett tal-ITS-DB, il-Quad Towers tat-Tumas Grupp fl-Imrieħel, u l-Proġett tas-Central Link, “dan qatt ma żvela l-fatt li huwa kien impjegat mal-Awtorità tal-Ippjanar. Il-PA hija parti interessata għall-istess appelli li Saliba kien qed jgħarbel u jiddeċiedi dwarhom minn lenti ta’ ġudikant. Dan ifisser li qatt ma seta’ jkun ġudikant imparzjali jew indipendenti kif kien jitlob ir-rwol tiegħu, peress li kellu obbligu lejn min kien jimpjegah.”

Hemm possibbiltá li l-appellanti kollha li dehru quddiem Saliba nkisrilhom id-dritt li jkollhom smigħ ġust u xieraq, tennew l-NGOs. Dan ifisser ukoll li r-residenti u l-NGOs madwar il-pajjiż kollu li ġabru l-fondi mill-pubbliku għal diversi appelli setgħu kienu qed jinvestu r-riżorsi umani, finanzjarji u professjonali f’sistema li hija evidentament maħsuba kontrihom.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-NGOs qed jitolbu biex issir inkjesta komprensiva dwar kif xi ħaġa bħal din tħalliet isseħħ, kif ukoll isir awditjar tal-appelli kollha li Martin Saliba kien iddeċieda dwarhom, u jiġu żvelati b’mod komplut l-ftehimiet kollha tiegħu mal-Awtorità tal-Ippjanar. L-NGOs staqsew ukoll jekk iċ-Chairman tal-EPRT attwali huwiex ukoll impjegat tal-PA.

Il-ħatra ta’ Saliba bħala kap tal-EPRT tirrappreżenta nuqqas serju fit-twettiq ta-ġustizzja fejn jidħol l-ippjanar. Il-PA issa ħatret lilha nnifisha bħala ġudikant f’appelli indirizzati kontra tagħha u ċ-ċittadini m’għandhom l-ebda rikors għal smigħ imparzjali. L-NGOs jisħqu li mhux se jippermettu li dan l-iskandlu l-ġdid jitħalla jintesa bħallikieku qatt ma kien xejn.

L-NGOs involuti –

1.     Attard Residents Environmental Network
2.     Azzjoni: Tuna Artna Lura3.     Bicycle Advocacy Group
4.     BirdLife Malta5.     Din l-Art Ħelwa
6.     Extinction Rebellion Malta7.     Flimkien għal Ambjent Aħjar
8.     Friends of the Earth (Malta)9.     MaYA Foundation
10.  Moviment Graffitti11.  Nature Trust Malta
12.  Ramblers’ Association of Malta13.  The Archaeological Society Malta