Lokali Qorti

Il-Qorti se tistenna rikors mill-Avukati ta’ Yorgen Fenech

Ilum fil-Qorti kompliet l-kawża Kostituzzjonali li fetaħ Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kontra l-Ispettur tal-Pulizija Keith Arnaud u l-Kummissarju tal-Pulizija.

11:31 – It-terminu ta’ meta tinqata’ din il-kawża se jinħareġ wara li jiġi preżentat ir-rikors. Il-kawża tkompli fid-9 ta’ Settembru fit-8:45am.

11:29 – L-Avukat Marion Camilleri fakkret kif id-dettalji dwar dak li ħareġ mill-investiazzjoni fil-konfront tat-tabib Adrian Vella għadha ma ngħatatx lilhom. Adrian Vella hu t-tabib ta’ Yorgen Fenech u Keith Schembri, li fil-Qorti taħt ġurament saħaq li ħa dokumenti min għand Schembri għal għand Fenech.

11:27 – L-Imħallef fakkar li sakemm ma joħroġx rikors biex aktar provi jinstemgħu f’din il-kawża, d-deċżjoni se tingħata fit-23 ta’ Settembru. Hu ta jumejn ċans lid-difiża biex tifformola dan ir-rikors.

11:25 – L-Avukat Marion Camilleri saħqet li numru ta’ dikjarazzjonijiet ma ingħatawx mill-investigazzjoni lilhom u saru jafu biss b’ċertu relevanza wara li ngħata xhieda fil-Qorti.

11:23 – L-Avukat tal-Istat saħqet li d-deċiżjoni ma tistax iddum ma tingħata għax inkella ma tispiċċa qatt. Hi saħqet li l-Qorti għandha l-provi kollha u tista’ tieħu deċiżjoni għaliex provi oħra f’dan l-istadju huma rrelevanti.

11:20 – L-Avukat tal-Istat saħqet li l-Avukati ta’ Yorgen Fenech qed jippruvaw jieħdu vantaġġ mis-sitwazzjoni. L-imħallef saħaq li huwa ġust li jisma’ dak kollu li qed joħroġ minn kawżi oħra biex ikun sema’ iż-żewġ partijiet speċjalment meta hemm provi li jistgħu jkunu relevanti. Hu staqsa jekk l-Avukati jridux li tingħata deċiżjoni jew le.

11:18 – L-Avukat Mercieca saħaq li m’għandiex tingħata deċiżjoni issa wara li ħarġu dettalji ġodda minn investigazzjonijiet li suppost għadhom għaddejjin. Hu staqsa jekk l-investigazzjoni hux staġnata u staqsa jekk l-investigazzjonijiet li suppost isiru hux qed isiru. Dan minn Novembru li għadda fejn semma’ provi li ma ngħatawx lid-difiża, provi li l-Avukat ta’ Yrgen Fenech semma’ li huma indispensabbli.

11:15 – L-Avukat ta’ Yorgen Fenech, Marion Camilleri saħqet fuq l-importanza tax-xhieda ta’ Melvin Theuma u l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar. Mill-ġdid issemmew il-mod ta’ kif qed jiżvilluppaw kawżi oħra marbuta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Camilleri saħqet li ħafna minn dawn l-iżviluppi seħħew fl-aħħar xhur, konsiderazzjonijiet serji li għandhom jittieħdu qabel tingħata deċiżjoni f’din il-kawża.

11:14 – L-Avukat Buttigieg saħqet li numru ta’ affarijiet qed jinstemgħu wara bibien magħluqa u ma jistgħux joħorġu fil-beraħ mid-deċiżjoni li tingħata f’din il-kawża kostituzzjonali. Hi saħqet li s-sottomissjoniet tal-Istat saru diġa.

11:12 – L-Avukat tal-Istat qed tippreżenta l-argumenti tagħha.

11:05 – L-Avukat Mercieca li qed jidher għal Yorgen Fenech saħaq li x-xhieda tal-eks Kummissarju, tal-Ispettur Keith Arnaud u Keith Schembri fil-fhema tagħhom għandhom jiġu ammessi f’din il-kawża għaliex huma relevanti. Hu semma kif l-iżviluppi qed joħorġu minn ġimgħa għal ġimgħa. L-avukat saħaq li dan il-każ m’għandux jieħu wisq żmien biex tittieħed deċiżjoni għaliex qed jinħoloq żbilanċ ma kull ġurnata li tgħaddi hekk ki proċeduri oħrajn għadhom qed jinstemgħu fil-konfront ta’ Yorgen Fenech. Mercieca semma’ kif d-deċiżjoni fil-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech għadha ma ngħatatx u għalhekk Yorgen Fenech ma jistax jipprepara d-difiża tiegħu kif jixtieq.

11:04 – L-imħallef qed jagħti ċ-ċans lill-avukati biex jagħmlu l-argumenti finali tagħhom qabel tittieħed deċiżjoni jekk is-sentenza tingħatax.

11:00 – Il-Qorti ħadet nota ta’ dak li qed jingħad fi proċeduri oħrajn fosthom xhieda li ssuperat dak li ħareġ minn din il-kawża.

Fenech qed jallega li d-dritt għal smiegħ xieraq tiegħu qed jiġi mittiefes minħabba l-kuntatti tal-investigatur prinċipali fl-omiċidju tal-ġurnalsta li kienet sfat maqtula viċin ir-residenza tagħha fil-Bidnija.

Fenech qed jallega li Arnaud kellu rabtiet fil-qrib ma’ Keith Schembri, eks chief of staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Huwa ddeskriva l-investigazzjoni fuq ir-rwol ta’ Keith Schembri fl-assasinju ta’ Caruana Galizia bħala waħda traskurata, approssimattiva, jekk mhux dilettanteska.

L-Imħallef Lawrence Mintoff qed jisma’ l-proċeduri Kostituzzjonali li ddeskriva l-kawża bħala waħda ‘taħraq’.

L-Avukati Marion Camilleri, Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca qed jidhru għal Fenech, filwaqt li l-Avukat tal-Istat Victoria Buttigieg, mgħejjuna mill-Avukat Maurizio Cordina, qed topponi t-talba tad-difiża.