Lokali

Mario Sammut se jmexxi l-Uffiċju tal-Parlament Ewropew f’Malta

Mario Sammut huwa l-kap ġdid tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta mill-1 ta’ Settembru 2020.

Sammut huwa uffiċċjal b’16-il sena esperjenza fl-istituzzjonijiet Ewropej. Fl-aħħar seba’ snin huwa kien membru tas-Servizz Legali tal-Parlament Ewropew iffukat fuq il-leġislazzjoni ekonomika, fejn iddefenda diversi drabi l-pożizzjoni tal-Parlament fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Preċedentement ħadem fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Fl-2016 huwa kien ukoll issekondat mill-Parlament Ewropew lir-Rappreżentanza Maltija għall-Unjoni Ewropea sabiex jassisti lill-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Dr Sammut huwa avukat speċjalizzat fil-liġi Ewropea li fiha kiseb Master mill-Kulleġġ tal-Ewropa fi Brugge fl-2004.

Fl-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew huwa se jkun inkarigat mill-komunikazzjoni dwar il-ħidma tal-Parlament Ewropew fil-kuntest tar-rwol u s-setgħat tal-Unjoni Ewropea.

L-Uffiċċji tal-PE – uffiċjalment imsejħa l-Uffiċċji ta’ Kollegament tal-Parlament Ewropew – jinsabu f’kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, u huma l-ewwel punt ta’ kuntatt bejn iċ-ċittadini u l-Parlament li jirrappreżentahom fl-Ewropa.

Il-funzjoni prinċipali tal-Uffiċċji tal-PE hija li jinformaw u jispjegaw lokalment l-impatt tal-ligijiet li jitfasslu mill-Parlament Ewropew fuq il-ħajja taċ-ċittadini Ewropej. L-Uffiċċji tal-PE jaħdmu wkoll mal-midja, ma’ awtoritajiet u istituzzjonijiet, rappreżentanzi, NGOs, u stakeholders fost l-ohrajn matul il-proċess leġislattiv fil-Parlament Ewropew, u dwar valuri, kampanji, u pożizzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Mario Sammut jissuċċedi lil Peter Agius li kien kap tal-Uffiċċju sal-2017, u lis-Sinjura Anna Zammit Vella li mexxiet l-Uffiċċju tal-PE f’Malta bħala aġent kap fil-perjodu ad interim