Lokali Qorti

Miċħuda t-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Yorgen Fenech

Miċħuda wkoll it-talba biex Yorgen Fenech jingħata aċċess għall-mobile tiegħu

Illum fil-Qorti ngħatat id-deċiżjoni mill-Maġistrat Rachel Montebello fuq it-talba tad-difiża biex Yorgen Fenech jingħata l-ħelsien mill-arrest. Din it-talba mill-ġdid reġgħet ġiet miċħuda. Tul l-istess seduta, kienet miċħuda wkoll it-talba biex Yorgen Fenech jingħata kopja tad-dettalji estratti mill-pulizija mill-mobile tiegħu.

14:45 – Il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Yorgen Fenech se tkompli fis-6 October fl-10am.

14:40 – Iż-żewġ naħat waslu għal qbil biex f’dawn iċ-ċirkostanzi, ikollhom aċċess b’mod viżwali għal kollox iżda mhux aċċess fiżiku. L-aċċess fiżiku jingħata biss jekk tinstab relevanza tal-informazzjoni mal-każ. Dan qed ikun awtorizzat mill-Qorti, proċess li se jkun iffaċilizzat minn u fil-preżenza tal-esperti maħtura mill-Qorti li qed jieħdu ħsieb l-extraction ta’ electronic devices. Il-Qorti ordnat li waqt dan il-proċess ikun preżenti wkoll Yorgen Fenech. Inkluż ukoll f’dan il-proċess ser ikunu l-avukati Parte Civile.

14:37 – Id-difiża qed tisħaq li anke l-Europol tat aċċess għal kollox u qed jistaqsu għalfejn il-pulizija ta’ Malta ma tridx tagħmel l-istess.

14:34 – Id-difiża trid li jkollha aċċess għal kollox u min hemm tara x’inhu relevanti jew le fil-każ. Il-pulizija qed jgħidu li fil-mobiles qed jinstabu ritratti u data oħra li hi kkunsidrata personali u mhux relevanti fil-każ.

14:32 – L-Ispettur Keith Arnaud qed jisħaq li d-difiża m’għandiex tingħata aċċess għal kull ma joħroġ waqt l-investigazzjoni u għandha biss ikollha aċċess għal affarijiet li jirrelataw il-każ. Arnaud jrid li jsir eżerċizzju ta’ filtering fl-extraction ta’ data minn electronic devices.

14:18 – Il-Qorti ċaħdet din it-talba biex ma jiġix preġudikat il-każ hekk kif il-proċeduri f’dan il-każ għadhom għaddejjin fejn hemm ukoll aktar persuni li jinsabu taħt investigazzjoni u jidher li fadal aktar provi x’jitressqu minn naħa tal-prosekuzzjoni fosthom esperti li għandhom f’idejhom il-mobile ta’ Fenech. Il-Qorti saħqet li appena dawn il-provi jkunu se jittressqu quddiem il-Qorti, Fenech ikun jista’ jingħata kopja.

14:13 – Qed tingħata issa d-deċiżjoni dwar l-allegat ksur tad-drittijiet fondamentali ta’ Yorgen Fenech. Dan biex Yorgen Fenech jingħata aċċess għall-mobile tiegħu jew kopja tal-kontenut li qed jiġi estratt mill-pulizija waqt l-investigazzjoni.

14:00 – Stennija issa għad-digriet tal-Qorti dwar it-talba ta’ Yorgen Fenech biex jingħata aċċess għall-mobile tiegħu. Dan il-mobile jinsab għand il-pulizija iżda għal raġuni mhux magħrufa, fl-aħħar jiem kien hemm leaks li ħarġu mill-mobile fil-media. Id-difiża saħqet li Yorgen Fenech qed jiġi mċaħħad minn informazzjoni li għandha dwaru l-pulizija.

13:45 – Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest. Bħalissa qed jinqraw id-dettalji għal din id-deċiżjoni mill-Maġistrat Rachel Montebello. Fid-deċiżjoni tagħha, fost numru ta’ raġunijiet oħra, il-Qorti saħqet li ma jistax jiġi eskluż li Fenech jipprova jaħrab mill-pajjiż ġaladarba jiġi meħlus mill-arrest. Fost l-oħrajn il-Qorti saħqet li ċaħdet it-talba għall-ħelsien hekk kif l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

13:39 – Il-Maġistrat Rachel Montebello, issa se tkun qed tisma l-aħħar sottomissjonijiet fil-konfront tat-talba għall-ħelsien mill-arrest.

13:36 – L-avukati tad-difiża qed jgħidu li l-argumenti tal-Avukat Ġenerali huma nfondati. Huma saħqu li l-pulizija kellhom dan il-mobile sa mill-ewwel ġurnata tal-investigazzjoni, u minkejja li Fenech kien affaċċjat bi provi li allegatament ħarġu minn dan il-mobile, Fenech sal-lum għadu mingħajr aċċess u dan bi ksur tad-drittijiet tiegħu.

13:33 – It-talba tad-difiża għall-ħelsien lejn l-aħħar ta’ Awwissu li għadda. L-avukati tad-difiża qed jagħmlu l-aħħar sottomisjonijiet tagħhom. Jisemma’ kif l-Avukat Ġenerali mhux jifhem it-talba ta’ Fenech biex ikollu aċċess għall-mobile phone tiegħu. L-avukat Charles Mercieca semma’ li fl-aħħar jiem saħansittra kien hemm leaks mill-mobile ta’ Fenech u dan qed jaffettwa l-preparamenti tad-difiża.

13:31 – Tidħol fl-awla l-Maġistrat u kollox lest biex minn hawn u ftit ieħor inkunu nafu d-deċiżjoni fuq it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Yorgen Fenech.

13:30 – Il-bidu ta’ dawn il-proċeduri issa ttardjaw b’siegħa u s’issa l-Maġistrat Rachel Montebello għadha mhux fl-Awla. Preżenti hawn familjari ta’ Yorgen Fenech, familjari ta’ Daphne Caruana Galizia, numru ta’ avukati u ġurnalisti. Kulħadd ilu għal aktar minn siegħa jistenna. L-aħħar aġġornament li ngħatajna kien fin-12:35pm fejn hemmek ġejna nfurmati li kollox kien se jittardja b’20 minuta. S’issa għadna ma ġejna nfurmati b’xejn iktar.

13:15 – Jidher li kollox ser ikun qed jittardja mill-ġdid hekk kif dak li kien mistenni jibda fin-12:30, s’issa għadu ma bediex. Filwaqt li l-Awla bħalissa tinsab mimlija. mhux ċara r-raġuni għal dan id-dewmien.

12:35 – Għadna kemm ġejna infurmati li dak li kellu jibda fin-12:30pm ser ikun qed jibda għall-ħabta tas-1:00pm minħabba raġuni mhux magħrufa.

Din mhix l-ewwel talba għall-ħelsien li għamlu l-Avukati ta’ Yorgen Fenech minn meta bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront tiegħu marbuta mal-allegat kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Kull talba ta’ dan it-tip s’issa dejjem ġiet miċħuda mill-Qorti.

Id-deċiżjoni fuq l-aħħar talba mistennija ingħatat fis-1:45pm.

L-Avukati Marion Camilleri, Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca qed jidhru għal Fenech. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru bħala Parte Civile għall-familja Caruana Galizia.

Preżenti fl-Awla l-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra.