Coronavirus Lokali Saħħa

“Missieri ġie rilaxxat mill-Isptar minkejja li kellu s-sintomi”

Iben l-anzjan ta’ 89 sena li huwa t-13-il vittma tal-COVID-19 f’pajjiżna, qal li missieru ġie rilaxxat mill-isptar minkejja li wera sintomi ċari, kuntrarjament għall-verżjoni uffiċjali li ħareġ il-Ministru tas-Saħħa.

“L-inkwiet tiegħi hu li missieri ntbagħat lura d-dar meta kellu s-sintomi tal-COVID19.” F’kummenti ma’ Net News, iben l-anzjan qal “Xi ħadd irid jinżamm responsabbli għal dan. Veru li saħħtu kienet sejra għall-agħar imma ma kellux jintbagħat id-dar fis-sitwazzjoni li kien fiha.”

Ibnu stqarr magħna li missieru ddaħħal l-Isptar madwar għaxart ijiem ilu minħabba stroke, għamlulu t-test u ħareġ negative. Saħaq li missieru nżamm fi kwaratina waqt li kien l-Isptar minħabba li xi jiem qabel kellu kuntatt ma’ persuna li kienet ittestjat fil-pożittiv.

It-Tnejn filgħodu huwa ġie rilaxxat mill-Isptar. Ibnu qalilna li meta mar għalih, mal-ewwel induna li missieri kien qed ibati biex jieħu n-nifs.

Dakinhar filgħaxija intilef minn sensih għal kollox. Għalhekk uliedu reġgħu ħaduh l-Emerġenza fejn tħalla fil-kuritur ħdejn pazjenti oħra. Dak il-ħin għamlulu swab fejn sfortuntament ftit tal-minuti wara tilef ħajtu. Ibnu kompla jgħidilna kif it-Tnejn filgħodu marru l-kamra mortwarja fejn missierhom u kien dak il-ħin li qalulhom li missierhom kien ħareġ pożittiv għall-Covid-19.

Immedjatament, wara dan kollu, iben il-vittma kkuntattja lill Ministeru tas-Saħħa biex tintrefa’ responsabbiltà mill-awtoritajiet konċernati.

Ibnu baqa’ jinsisti li missieru ntbagħat lura d-dar bis-sintomi u għalhekk kien ta’ riskju għal kull min ġie f’kuntatt miegħu fosthom il-familja tiegħu li issa se jitpoġġew fi kwarantina.