Edukazzjoni Lokali

Numru ta’ studenti lura l-ITS

Mit-Tlieta, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi l-ITS reġa’ fetaħ il-bibien tiegħu biex jilqa’ l-istudenti li se jagħmlu bejnethom mija u sittin sessjoni prattika fi tliet oqsma ta’ studju li kellhom isiru fit-tieni semestru tas-sena akkademika preċedenti – lezzjonijiet li f’Marzu ma setgħux jitkomplew minħabba l-pandemija.

Għalkemm qed jingħad li l-ftuħ mill-ġdid tal-ITS isegwi b’mod strett il-linji gwida maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika biex tiġi salvagwardjata s-saħħa ta’ dawk kollha involuti… ħadd għadu ma jaf eżatt x’jinvolvu dawn il-protokolli. Dan għaliex il-linji gwida ma ġewx ippubblikati.

Fil-fatt, kienu bosta l-għalliema f’dan l-istitut li tkellmu ma’ Net News dwar it-tħassib….mhux biss tagħhom, iżda anke tal-istudenti infushom.

L-ITS xorta qed jagħmel kull sforz possibbli biex jipprovdi soluzzjonijiet ħalli l-istudenti jirkupraw it-tagħlim prattiku li tilfu fix-xhur li għaddew.

Fil-bidu tal-ġimgħa, il-Ministru tat-Turiżmu qalet illi kellhom ikunu 179 l-istudenti li daħlu lura l-ITS wara l-waqfa tal-Covid – iżda minn dak li rajna t-Tlieta filgħodu, ftit li xejn innotajna moviment ta’ studenti.

L-ITS jiftaħ uffiċjalment ix-xahar id-dieħel.