Internazzjonali

Turkija: Jarrestaw lill-ogħla kmandant tal-ISIS fil-pajjiż

Il-Pulizija Torka rnexxielha tarresta lill-ogħla kmandant tal-grupp terroristiku ISIS waqt rejd fil-provinċja ta’ Adana, Dan fost rapporti li l-awtoritajiet Torok kienu għaddejjin ‘b’kaċċa għal membri oħrajn tal-ISIS’.

Il-Ministru għall-Intern tat-Turkija, Suleyman Soylu, qal li t-terrorista, Mahmut Ozden, kellu ‘pjani importanti’ fil-pussess tiegħu u li dan kien ingħata l-ordnijiet ‘biex iwettaq attakk speċifiku’.

L-ISIS kien ikkonferma uffiċjalment il-preżenza tiegħu fit-Turkija fl-2019, bil-grupp jieħu responsabbiltà għal numru ta’ attakki fit-territorji tat-Torok.

Sadanittant, il-Ministru Soylu qal li l-kmandant tal-ISIS arrestat kien qed jingħata d-direttivi kontinwi ‘mingħand elementi fl-Iraq u s-Sirja’ biex iwettaq azzjoni terroristika fit-Turkija. Ingħad ukoll li Ozden – magħruf bħala ‘l-emir tal-ISIS fit-Turkija’ – kien qed jaħseb biex jorganizza l-attakki bis-sehem ta’ gruppi magħmulin minn madwar 10 jew 12-il terrorista.

Il-pjani li nħatfu mill-pulizija żvelaw li Ozden kien anki qed jippjana l-ħtif ta’ diversi politiċi  — bil-pulizija li ħadu sehem fir-rejd  jelevaw numru ta’ kompjuters, dokumenti, armi tan-nar u munizzjon. L-aħħar rapporti qalu li tliet persuni oħra suspettati bħala terroristi spiċċaw arrestati waqt ir-rejd f’Adana.