Lokali

Viżjoni fit-tul għal kwalità ta’ ħajja aħjar trid tkun bil-fatti u mhux bil-kliem biss – PN

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ bħala pass ’il quddiem il-proposta tal-Awtorita’ għall-Ambjent u r-Riżorsi biex Malta jkollha viżjoni ambjentali minn issa sal-2050 li l-iskop ewlieni tagħha jkun it-titjib fil-kwalita’ tal-ħajja tan-nies. Infatti waqt is-seduta tal-Kumitat Parlamentari għall-Ambjent u pjanar li nżammet ilbieraħ, il-Partit Nazzjonalista ta s-sehem sħiħ tiegħu fid-diskussjoni biex tibda tissawwar din il-viżjoni għal tletin sena bil-quddiem u hekk beħsiebu jkompli jagħmel.

Permezz ta’ stqarrija minn David Thake, il-Kelliem għall-Ambjent u l-Emerġenza tal-Klima u Kevin Cutajar il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli ntqal li din il-viżjoni taqbel ma’ dak li jemmen fih il-Partit Nazzjonalista. Sabiex inħarsu l-ambjent ta’ pajjiżna u fuq kollox sabiex niżguraw ħajja ta’ kwalita’ tajba għall-Maltin kollha, hu meħtieġ li l-viżjoni tkun waħda fit-tul. Il-Partit Nazzjonalista jmur aktar ‘il boghod minn hekk però. Sabiex verament nilħqu l-milja ta’ viżjoni ta’ dan it-tip, irid ikun hemm pjan ta’ azzjoni b’miri ċari għall-preżent u l-futur. Inkella, kull ma jkun qiegħed isir, ikun biss eżerċizju ta’ kliem sabiħ mingħajr fatti ta’ xejn.

Hu fuq dan li l-Partit Nazzjonalista hu kritiku ħafna mal-Gvern Laburista ta’ pajjiżna. Infatti, l-Gvern li issa qed jappoġġja l-viżjoni proposta, ilu sa mill-2013, jiġifieri sa minn meta ħa l-Gvern f’idejh, jgħid li jrid jaħdem favur ambjent aħjar, iżda bil-fatti kien qed jagħmel bil-kontra.

Minflok kompla bena fuq is-sodda li Gvernijiet Nazzjonalisti kienu preparaw biex titjieb il-qagħda ambjentali u l-kwalita’ tal-ħajja f’Malta, l-Gvern Laburista ħalla jisplodu diversi realtajiet li qed ikollhom impatt devastanti fuq l-ambjent u l-kwalita’ tal-ħajja. Insemmu fost l-oħrajn, iż-żieda fil-popolazzjoni tagħna b’immigrazzjoni bla pjan bil-konsegwenzi kollha fuq l-ispazju ċkejken ta’ pajjiżna, l-ispekulazzjoni bla kontroll tal-art partikolarment il-ftit kampanja li għad fadal, arja aktar imniġġsa partikolarment minn splużjoni fit-traffiku u nuqqas ta’ pjan biex naqilbu għal vetturi elettriċi, u kif ukoll falliment fl-immaniġġjar tal-iskart dejjem jiżdied.

Fuq kollox il-Gvern Laburista dgħajjef l-Awtorita’ għall-Ambjent u r-Riżorsi li ħadet l-inizjattiva li tibda ssawwar viżjoni favur l-ambjent ta’ pajjiżna bl-iskop li naslu għal kwalita’ ta’ ħajja aħjar. Dan ma jagħmilx sens għax biex din il-viżjoni titwettaq, irid ikun hemm qabel kollox awtorita’ b’sahhitha li d-deċiżjonijiet tagħha jgħoddu fl-ippjanar u l-infurzar u mhux li tkun ridotta għal sempliċi entita’ konsultattiva bħal fil-preżent. Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jekk verament irid li l-viżjoni li qabel magħha lbieraħ tħalli l-frott, jibda biex bħala l-ewwel pass isaħħaħ lill-awtorita’ li qed twellidha